Mur għall-kontenut ewlieni
Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

Il-pajjiżi tal-UE jħejju biex jilqgħu lil dawk li qed jaħarbu mill-Ukrajna

Din l-informazzjoni hi disponibbli wkoll: Bl-Ukren | українська | bir-Russu | русский

L-Istati Membri joffru assistenza komprensiva

L-UE qed tagħti appoġġ kostanti lill-Istati Membri biex jaqdu l-ħtiġijiet ta’ dawk li qed jaħarbu mill-invażjoni tal-Ukrajna. Hi toffri assistenza fil-fruntiera, akkoljenza u protezzjoni ċivili. Hi tgħin lill-Istati Membri jiżguraw aċċess għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-impjiegi għal dawk li jaslu mill-Ukrajna.

Image of European flag with six different photos that are used in the "key areas for support" section surrounding it

Oqsma ewlenin ta’ appoġġ

refugees arriving at border
Appoġġ għall-ġestjoni tal-fruntieri

Il-Kummissjoni ħarġet linji gwida operazzjonali biex tgħin lill-gwardji tal-fruntiera fl-Istati Membri jimmaniġġjaw b’mod effiċjenti l-wasliet fil-fruntieri mal-Ukrajna u jnaqqsu l-ħin ta’ stennija filwaqt li jżommu livell għoli ta’ sigurtà. L-aġenziji tal-UE qed jipprovdu wkoll aktar staff u għarfien espert biex jappoġġjaw lill-Istati Membri.

doctor treating a young girl
Appoġġ għas-sistemi tas-saħħa

Il-Kummissjoni ħolqot sistema Ewropea ddedikata għal trasferimenti rapidi ta’ persuni fil-bżonn ta’ kura medika fost l-Istati Membri tal-UE, appoġġjata mill-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll id f’id maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini biex tipprovdi gwida u taħriġ dwar is-saħħa pubblika, timmonitorja l-provvista ta’ prodotti mediċinali u tipprovdi appoġġ xieraq lill-Istati Membri.

children playing in a room
Protezzjoni tat-tfal

L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal tipprovdi qafas komprensiv għall-protezzjoni u l-garanzija tad-drittijiet tat-tfal. Il-koordinaturi nazzjonali li issa huma stabbiliti permezz tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal għandhom rwol importanti x’jaqdu biex jimmobilizzaw u jikkoordinaw l-isforzi fil-livell nazzjonali u mal-awtoritajiet reġjonali u lokali. Il-Kummissjoni qed tħejji wkoll Proċeduri Operattivi Standard għat-trasferimenti ta’ minorenni mhux akkumpanjati.

Solidarity for Ukraine - Italy
Aċċess għall-edukazzjoni

Il-Kummissjoni se tlaqqa’ flimkien lill-Istati Membri biex jibdew jaqsmu l-esperjenzi u jidentifikaw dak li huwa meħtieġ biex titkompla l-edukazzjoni tat-tfal spostati. Il-pjattaforma School Education Gateway se sservi bħala punt uniku ta’ kuntatt għall-materjal edukattiv mill-Ukrajna u għall-materjal tal-Istati Membri bil-lingwa Ukrena. Il-flessibbiltà fil-programm ta’ finanzjament Erasmus+ se tintuża wkoll biex tiġi appoġġjata l-edukazzjoni tal-istudenti refuġjati u l-integrazzjoni tal-istaff tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja li qed jaħarbu mill-gwerra.

a mother doing homework with her two children
Aċċess għall-akkomodazzjoni u l-housing

Biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet immedjati għal akkomodazzjoni xierqa, l-inizjattiva l-ġdida għal “djar sikuri” se tgħin lill-Ewropej li jagħmlu djarhom disponibbli. Il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, kif ukoll il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, se jiġu mobilizzati biex isaħħu s-sistemi ta’ akkoljenza pubblika. Fuq perjodu twil ta’ żmien, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jgħin biex jipprovdi akkomodazzjoni soċjali għall-familji u l-individwi fil-komunità. Il-Fond Soċjali Ewropew jista’ jappoġġja servizzi u akkomodazzjoni bbażati fil-komunità, speċjalment għal dawk bi bżonnijiet speċjali, b’diżabbiltajiet, tfal u anzjani.

Ukrainian doctor working in the refugee camp of Burgas, Bulgaria
Aċċess għax-xogħol

L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu miżuri biex jgħinu malajr lil dawk li jaslu biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għax-xogħol u għat-taħriġ vokazzjonali. Il-Kummissjoni żiedet il-lingwa Ukrena mal-Għodda tal-UE għall-Profil tal-Ħiliet għal ċittadini mhux tal-UE u se tittestja wkoll Riżerva ta’ Talent ġdida biex tqabbel il-ħiliet mal-postijiet tax-xogħol. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll biex tiżviluppa linji gwida ġodda li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali miksuba fl-Ukrajna u l-ħidma mas-sħab soċjali biex is-settur privat jiġi infurmat dwar id-drittijiet taħt il-qasam tal-protezzjoni temporanja u l-programmi disponibbli.

Gwida operazzjonali

Linji gwida operazzjonali ġodda dwar id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja se jgħinu lil dawk li jaslu fl-UE jgawdu livell konsistenti u effettiv ta’ drittijiet. Se jgħinu lill-Istati Membri biex jerfgħu r-responsabbiltajiet il-ġodda tagħhom. Il-linji gwida se jiġu aġġornati regolarment biex jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-isfidi ta’ kuljum u fis-sitwazzjonijiet ġodda li jiffaċċjaw.

Aqra aktar

 

Is-solidarjetà fil-prattika

Il-Kummissjoni ħolqot Pjattaforma ta’ Solidarjetà, li tlaqqa’ flimkien l-Istati Membri u l-Aġenziji tal-UE, biex tikkoordina l-appoġġ lill-Istati Membri fil-bżonn.

Commissioner Johannson at the Estonian border

Il-pjattaforma se tgħin fl-organizzazzjoni tat-trasferimenti tal-persuni fi ħdan l-UE lejn l-Istati Membri li għandhom kapaċità ta’ akkoljenza. Tista’ tgħin ukoll biex jiġu stabbiliti mogħdijiet lejn pajjiżi mhux tal-UE li diġà jospitaw komunitajiet sinifikanti ta’ Ukreni, bħall-Kanada jew ir-Renju Unit. Se tingħata attenzjoni partikolari lill-każijiet l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari t-tfal.

Soluzzjonijiet rapidi u flessibbli għall-finanzjament tas-solidarjetà

Il-Kummissjoni ħadet azzjoni immedjata biex tgħin timmobilizza l-appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri li jospitaw lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra kontra l-Ukrajna.

Il-Kummissjoni ħallset aktar minn €3.5 biljun f’pagamenti bil-quddiem lill-Istati Membri mill-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU). Din l-injezzjoni immedjata ta’ likwidità se tħaffef l-aċċess tagħhom għall-fondi biex jintefqu fuq l-infrastruttura, il-housing, it-tagħmir u s-servizzi fl-impjiegi, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali, il-kura tas-saħħa u l-indukrar tat-tfal.

Il-fondi tal-Affarijiet Interni tal-UE għall-2021-27 se jipprovdu riżorsi sostanzjali għall-Istati Membri biex jiżguraw faċilitajiet adegwati ta’ akkoljenza u proċeduri effettivi tal-ażil għal persuni li qed jaħarbu mill-invażjoni.

Wara l-proposta tal-Kummissjoni “Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa” (CARE), l-Istati Membri għandhom ukoll il-possibbiltà li jużaw il-fondi li fadal mill-fondi ta’ koeżjoni tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 biex jipprovdu appoġġ ta’ emerġenza lil persuni li jaħarbu mill-Ukrajna u li jaslu fit-territorju tagħhom. Dan jinkludi investimenti fl-edukazzjoni, l-impjiegi, il-housing, is-servizzi tas-saħħa u tal-kura tat-tfal, iżda wkoll assistenza materjali bażika bħall-ikel u l-ħwejjeġ.

Il-Kummissjoni adottat ukoll Qafas Temporanju għall-Kriżijiet li jippermetti lill-Istati Membri jużaw il-flessibilità permessa skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jappoġġjaw l-ekonomija fil-kuntest tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, filwaqt li jipproteġu l-kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku.