Mur għall-kontenut ewlieni
Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

Ħrib mill-Ukrajna: aċċess għax-xogħol

Din l-informazzjoni hi disponibbli wkoll: bl-Ukren | українська | bir-Russu | русский

Aċċess għas-suq tax-xogħol

Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem ma’ atturi differenti, inklużi l-awtoritajiet Ukreni u d-dijaspora, biex tiżgura l-integrazzjoni rapida u effettiva tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja fis-suq tax-xogħol. Kif imfakkar fil-gwida ta’ għajnuna għan-nies li qed jaħarbu mill-aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna biex jaċċessaw l-impjiegi, it-taħriġ u t-tagħlim għall-adulti, hemm diversi għodod disponibbli fil-livell tal-UE biex jappoġġjaw dan.

Issa jistgħu jqabblu l-ħiliet tagħhom mal-postijiet tax-xogħol battala bis-saħħa tal-proġett pilota tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE li l-Kummissjoni nediet flimkien mal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol. Barra minn hekk, jistgħu jiksbu ħiliet fil-lingwi u ħiliet diġitali bażiċi ġodda permezz tan-networks fil-Patt għall-Ħiliet.

Il-lingwa Ukrena żdiedet mal-Għodda tal-UE għall-Profil tal-Ħiliet għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex tgħin lill-Ukreni li qed ifittxu impjieg u lil dawk li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom. 

Wara li l-Kummissjoni ppubblikat rakkomandazzjoni biex tiffaċilita r-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u professjonali li jkunu nkisbu fl-Ukrajna, issa huwa aktar faċli għall-impjegaturi u għall-istituzzjonijiet tat-taħriġ biex jifhmu l-ħiliet tal-Ukreni li jaslu fl-UE. 

Il-Kummissjoni waqqfet ċentru ta’ riżorsi biex jgħin kemm lill-Ukreni li qed ifittxu l-għajnuna biex il-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti kif ukoll lil oħrajn li għandhom bżonn l-għajnuna fl-interpretazzjoni tagħhom. Hija qabblet ukoll l-Oqfsa tal-Kwalifiki tal-Ukrajna u Ewropej flimkien mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ u l-Istati Membri tal-UE.

Il-Kummissjoni tkompli tappoġġja lis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi fl-Istati Membri li għandhom rwol ewlieni fl-istabbiliment ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol biex isir l-aħjar użu mill-ħiliet ta’ dawk il-persuni li jkunu għadhom kif waslu.

Hija tipprovdi wkoll appoġġ għal miżuri bħal kollokamenti f’impjieg, korsijiet tal-lingwa, konsulenza, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, permezz ta’ diversi fondi tal-UE. 

Riżerva ta’ Talent tal-UE

Il-Kummissjoni nediet Riżerva ta’ Talent tal-UE bbażata fuq l-internet biex tgħin lin-nies li qed jaħarbu mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja jsibu impjieg fl-UE.

Il-proġett pilota tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE, disponibbli bl-Ingliż, bl-Ukren u bir-Russu, huwa implimentat permezz tal-portal tal-EURES. Dan jiġbor flimkien is-servizzi nazzjonali tal-impjiegi, l-aġenziji privati tal-impjiegi u l-impjegaturi madwar l-UE. L-EURES fih aktar minn 3 miljun post tax-xogħol vakanti u 4,000 impjegatur, u impjegaturi ġodda huma mistiedna jissieħbu fih.

Il-proġett pilota tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE huwa miftuħ għal dawk kollha li qed ifittxu impjieg li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja skont id-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni Temporanja, jew protezzjoni adegwata skont il-liġi nazzjonali li tipprovdilhom id-dritt għax-xogħol.

Wara r-reġistrazzjoni, l-għodda tiggwida lil dawk li qed ifittxu impjieg fil-proċess fejn jistgħu jidentifikaw il-ħiliet li għandhom u jtellgħu s-CV tagħhom. Is-CVs ippubblikati fil-proġett pilota tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE se jkunu viżibbli għas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fil-pajjiżi parteċipanti kollha kif ukoll tal-impjegaturi rreġistrati fil-pajjiżi kollha li huma parti min-network Ewropew ta’ kooperazzjoni tas-servizzi tal-impjiegi (EURES). Dawk li qed ifittxu impjieg jistgħu wkoll jibbrawżjaw il-postijiet tal-impjieg vakanti kollha ppubblikati fuq il-portal tal-EURES.

Riżerva ta’ Talent tal-UE

Informazzjoni mill-ministeri nazzjonali u l-aġenziji tal-impjiegi

Ir-Repubblika Ċeka