Mur għall-kontenut ewlieni
Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

Appoġġ militari tal-UE lill-Ukrajna

Cadets Of The Military Institute Take The Oath In Kyiv

L-indirizzar tal-ħtiġijiet militari u ta’ difiża urġenti tal-Ukrajna

L-UE u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw madwar €32 biljun f’appoġġ militari għall-Ukrajna. Dan jinkludi €6.1 biljun taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jiġi appoġġat it-twassil ta’ tagħmir militari.

F’Marzu 2024, il-Kunsill stabbilixxa Fond ta’ Assistenza għall-Ukrajna ddedikat b’valur ta’ €5 biljun. Dan iġib l-appoġġ finanzjarju totali allokat permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi għal €11.1 biljun.

Barra minn hekk, il-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-UE għall-Ukrajna, iffinanzjata b’€362 miljun, qed tindirizza l-ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-Forzi Armati Ukreni u ħarrġet aktar minn 47 000 suldat Ukren.

Iż-żieda fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-UE

L-industrija Ewropea tad-difiża żiedet ukoll il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha għall-munizzjon b’ 40%. Huwa urġenti li titħaffef il-konsenja ta’ missili u munizzjon, b’mod partikolari taħt l-inizjattiva ta’ 1 miljun balla ta’ munizzjon tal-artillerija, u li l-Ukrajna tiġi pprovduta b’aktar sistemi ta’ difiża tal-ajru. 

L-UE se żżid ukoll il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha ta’ munizzjon u missili, wara l-adozzjoni tal-Att b’Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon (ASAP). Bis-saħħa tal-ASAP, l-industrija tad-difiża tal-Unjoni se tkun tista’ tipproduċi kwantità akbar u aktar malajr peress li r-Regolament se jappoġġja t-tisħiħ industrijali tul il-ktajjen tal-provvista tal-munizzjon u tal-missili fl-UE. Dan huwa rispons dirett għall-appell biex b’mod urġenti jitwasslu l-munizzjon, u jekk jintalbu, il-missili, lill-Ukrajna u biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jerġgħu jimlew l-istokkijiet tagħhom billi jiġu introdotti miżuri mmirati.