Din l-informazzjoni hi disponibbli wkoll: bl-Ukren | українська | bir-Russu | русский
L-UE u s-sħab internazzjonali tagħha huma magħqudin biex jikkundannaw l-aggressjoni ta’ Putin fuq l-Ukrajna. Se nappoġġjaw lil dawk li qed ifittxu kenn u se ngħinu lil dawk li qed ifittxu mod sikur biex imorru lura lejn pajjiżhom. L-UE se tkompli toffri assistenza politika, finanzjarja u umanitarja b’saħħitha lill-Ukrajna u timponi sanzjonijiet ħarxa kontra r-Russja u dawk kompliċi fil-gwerra.
In focus

25 May 2023 - The Council has adopted a Regulation which renews the suspension of all customs duties, quotas and trade defence measures on Ukrainian exports to the EU for another year, until June 2024. By renewing these measures the EU is continuing to demonstrate its unwavering political and economic support for Ukraine, which is still facing Russia’s unprovoked and unjustified military aggression. The measures will help Ukraine to maintain the stability of its trade relations with the EU and to keep its economy going under very challenging circumstances.
Azzjonijiet tal-UE

Assistenza tal-UE lill-Ukrajna
Tgħallem dwar l-appoġġ politiku, umanitarju u finanzjarju tal-UE għall-Ukrajna

Ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna
Kif l-UE qed tappoġġja l-isforzi ta’ rkupru tal-pajjiż

Sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja
Ħarsa ġenerali lejn is-sanzjonijiet tal-UE mmirati lejn setturi, entitajiet u atturi kompliċi

Ir-Russja tinżamm responsabbli
L-iżgurar li r-Russja tiġi kkastigata għad-delitti tal-gwerra tagħha u tħallas għall-ħsara li saret

Il-pajjiżi tal-UE jilqgħu lil dawk li qed jaħarbu mill-Ukrajna
Kif l-UE qed tappoġġja lill-Istati Membri biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ dawk li qed jaħarbu mill-Ukrajna

Xarabanks tal-iskola għall-Ukrajna
Il-kampanja ta’ solidarjetà tal-UE li tiġbor donazzjonijiet ta’ xarabanks tal-iskola għall-Ukrajna
Kronoloġija
- 23 ta' Mejju 2023
Il-Kummissjoni tħallas €1.5 biljun oħra f’assistenza makrofinanzjarja lill-Ukrajna B’dan il-porzjon, il-Kummissjoni s’issa żborżat €7.5 biljun minn pakkett ta’ appoġġ sa €18-il biljun għall-2023.
- 9 ta' Mejju 2023
Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen iżżur lil Kiev u tħabbar il-11-il pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja.
- 5 ta' Mejju 2023
Il-Kunsill tal-UE jaqbel dwar appoġġ ta’ €1 biljun taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi.
- 25 ta' April 2023
Il-Kummissjoni tħallas €1.5 biljun oħra f’assistenza makrofinanzjarja lill-Ukrajna
- 20 ta' April 2023
L-Ukrajna tingħaqad mal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili - il-qafas Ewropew ta’ solidarjetà li jgħin lill-pajjiżi li jinsabu f’diffikultà minħabba diżastru
- 13 ta' April 2023
Il-Kunsill jadotta miżura ta’ assistenza b’valur ta’ biljun euro taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) biex tappoġġja l-Forzi Armati Ukreni. Din il-miżura ġġib il-kontribuzzjoni totali tal-UE għall-Ukrajna taħt l-EPF għal €4.6 biljun.
- 21 ta' Marzu 2023
Il-Kummissjoni tiżborża €1.5 biljun oħra f’assistenza makrofinanzjarja lill-Ukrajna
- 20 ta' Marzu 2023
L-Istati Membri tal-UE jaqblu li jħaffu t-twassil u l-akkwist konġunt ta’ munizzjon għall-Ukrajna
- 16 ta' Marzu 2023
Il-Bauhaus Ewropea Ġdida: jitnieda l-programm ta’ bini tal-kapaċitajiet biex tinbeda r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna
- 8 ta' Marzu 2023
Il-Kummissjoni timmarka sena ta’ protezzjoni temporanja għan-nies li qed jaħarbu mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna
- 4 ta' Marzu 2023
Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen tilqa’ t-twaqqif taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni ta’ Reati ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna
- 3 ta' Marzu 2023
Bħala parti minn proġett konġunt mal-Kummissjoni Ewropea, il-kumpanija tal-enerġija Enel timpenja ruħha li tagħti 5,700 pannell fotovoltajku solari lill-Ukrajna. Din l-inizjattiva hi parti minn sforz usa’ tal-UE biex jiġu żgurati soluzzjonijiet mhux kollegati mal-grilja li jipprovdu l-elettriku lil binjiet ċivili pubbliċi ewlenin fl-Ukrajna.
- 25 ta' Frar 2023
L-UE tilħaq qbil dwar l-għaxar pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja
- 24 ta' Frar 2023
Sena ta’ reżistenza Ukrena: Il-President von der Leyen tenfasizza l-impenn sod u s-solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna u l-poplu tagħha
- 23 ta' Frar 2023
Il-Kummissjoni tipproponi li ġġedded is-sospensjoni tad-dazji tal-importazzjoni, tal-kwoti u tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali fuq l-esportazzjonijiet Ukreni lejn l-UE għal sena oħra
- 3 ta' Frar 2023
Is-Summit bejn l-UE u l-Ukrajna jsir fi Kiev
- 2 ta' Frar 2023
Il-Kulleġġ tal-Kummissarji jivvjaġġa lejn Kiev biex jagħti spinta lill-appoġġ tal-UE u lill-kooperazzjoni settorjali mal-Ukrajna
- 26 ta' Jannar 2023
L-UE tniedi pjattaforma tad-donaturi biex tiffaċilita l-irkupru tal-Ukrajna
- 17 ta' Jannar 2023
Il-Kummissjoni żborżat l-ewwel pagament parzjali ta’ €3 biljun lill-Ukrajna minn ammont ta’ sa €18-il biljun tal-pakkett tal-Assistenza Makrofinanzjarja +
- 13 ta' Diċembru 2022
Fil-Konferenza “Spalla’ ma’ spalla’ mal-poplu Ukren” f’Pariġi, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen ħabbret konsenja ġdida tal-UE ta’ ġeneraturi tal-enerġija, l-istabbiliment ta’ ċentru tas-saħħa u tal-enerġija tar-rescEU fil-Polonja u d-donazzjonijiet ta’ bozoz li jiffrankaw l-enerġija.
- 7 ta' Diċembru 2022
Il-Kummissjoni tħabbar id-9 pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja
- 30 ta' Novembru 2022
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen tipproponi li titwaqqaf qorti speċjalizzata biex tinvestiga u tipproċessa d-delitt ta’ aggressjoni tar-Russja. Hija tħabbar ukoll ftehim internazzjonali mas-sħab tal-UE biex jiġi żgurat li r-Russja tħallas kumpens sħiħ għad-danni kkawżati lill-Ukrajna
- 26 ta' Novembru 2022
Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen tipparteċipa fis-summit “Grain from Ukraine” (Ċereali mill-Ukrajna)” u tħabbar l-appoġġ tal-Kummissjoni għat-trasport ta’ 40,000 tunnellata ta’ ċereali lejn il-pajjiżi l-aktar affettwati mill-kriżi globali tal-ikel
- 22 ta' Novembru 2022
Il-Kummissjoni tiżborża €2.5 biljun oħra f’assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali
- 20 ta' Novembru 2022
Il-Kummissjoni tniedi kampanja ta’ solidarjetà tal-UE “Xarabanks tal-iskola għall-Ukrajna”
- 11 ta' Novembru 2022
Il-Kummissjoni Ewropea u s-sħab jimmobilizzaw €1 biljun għall-Korsiji ta’ Solidarjetà biex iżidu s-sigurtà tal-ikel globali u jipprovdu għajnuna vitali għall-ekonomija tal-Ukrajna
- 9 ta' Novembru 2022
Il-Kummissjoni tipproponi pakkett ta’ appoġġ stabbli u prevedibbli għall-Ukrajna għall-2023 sa €18-il biljun
- 25 ta' Ottubru 2022
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Ġermanja, bħala l-Presidenza tal-G7, ospitaw b’mod konġunt f’Berlin il-Konferenza Internazzjonali tal-Esperti dwar l-Irkupru, ir-Rikostruzzjoni u l-Modernizzazzjoni tal-Ukrajna
- 18 ta' Ottubru 2022
Il-Kummissjoni tiżborża €2 biljun aktar f’assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna
- 17 ta' Ottubru 2022
Il-Kunsill adotta miżuri ta’ assistenza addizzjonali taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) biex jappoġġja aktar il-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-Forzi Armati Ukreni. B'hekk il-kontribuzzjoni totali tal-UE taħt l-EPF għall-Ukrajna issa tammonta għal €3.1 biljun
- 17 ta' Ottubru 2022
Il-Kunsill qabel li jistabbilixxi Missjoni ta’ Assistenza Militari b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine). L-għan tal-missjoni huwa li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità militari tal-Forzi Armati tal-Ukrajna biex iwettqu operazzjonijiet militari b’mod effettiv, sabiex l-Ukrajna tkun tista’ tiddefendi l-integrità territorjali tagħha fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, teżerċita b’mod effettiv is-sovranità tagħha u tipproteġi liċ-ċivili.
- 6 ta' Ottubru 2022
L-UE taqbel dwar it-tmien pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja
- 7 ta' Settembru 2022
Il-Kummissjoni pproponiet €5 biljun oħra f’self ta’ assistenza makrofinanzjarja (AMF) lill-Ukrajna bħala t-tieni parti tal-pakkett eċċezzjonali tal-AMF sa €9 biljun imħabbar f’Mejju 2022.
- 6 ta' Settembru 2022
Il-Kummissjoni pproponiet li tissospendi għalkollox il-Ftehim tal-UE għall-Faċilitazzjoni tal-Viża mar-Russja. Dan hu b’reazzjoni għal riskji u theddid akbar għall-interessi tas-sigurtà tal-UE u għas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri tagħha bħala riżultat tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna.
- 1 ta' Settembru 2022
L-UE tiftaħ ċentru ta’ evakwazzjonijiet mediċi fil-Polonja biex tiffaċilita t-trasferimenti ta’ pazjenti Ukreni. Iċ-Ċentru se joffri spazju sikur għall-pazjenti li jaslu mill-Ukrajna qabel ma jitilqu biex jirċievu trattament fi sptar f’pajjiż Ewropew ieħor.
- 22 ta' Lulju 2022
Il-Kunsill adotta żewġ miżuri ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) bl-għan li jiżdied l-appoġġ tal-UE għall-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-Forzi Armati Ukreni biex jiddefendu l-integrità territorjali u s-sovranità tal-pajjiż, u jipproteġu l-popolazzjoni ċivili kontra l-aggressjoni militari Russa li għaddejja bħalissa. Il-kontribuzzjoni tal-UE taħt l-EPF għall-Ukrajna issa tammonta għal €2.5 biljun.
Il-Kunsill iddeċieda li jimponi miżuri restrittivi fuq 54 individwu u 10 entitajiet addizzjonali b’rispons għall-aggressjoni militari mhux ġustifikata u mhux provokata li għaddejja bħalissa kontra l-Ukrajna.
- 15 ta' Lulju 2022
Il-Kummissjoni u l-Gvern Ukren iffirmaw ftehim li jassoċja lill-Ukrajna mal-programm l-UE għas-Saħħa. Dan il-ftehim se jiftaħ l-aċċess għall-Ukrajna għall-finanzjament tal-UE fil-qasam tas-saħħa u se jippermetti lis-sistema tas-saħħa tal-Ukrajna twieġeb għall-ħtiġijiet immedjati u jikkontribwixxi għall-irkupru fit-tul.
Il-Kummissjoni adottat proposta għal pakkett ġdid ta’ miżuri biex tinżamm u tissaħħaħ l-effettività tas-sitt pakketti ta’ sanzjonijiet tal-UE b’firxa wiesgħa u bla preċedent kontra r-Russja. Il-pakkett il-ġdid se jintroduċi projbizzjoni ġdida fuq l-importazzjoni tad-deheb Russu, filwaqt li jsaħħaħ l-użu doppju u l-kontrolli tal-esportazzjoni tat-teknoloġija avvanzata. Il-Kunsill approva dawn il-miżuri fil-21 ta’ Lulju.
- 1 ta' Lulju 2022
Il-Kummissjoni pproponiet operazzjoni ġdida ta’ assistenza makrofinanzjarja (AMF) b’valur ta’ €1 biljun għall-Ukrajna bħala l-ewwel parti tal-pakkett eċċezzjonali ta’ assistenza makrofinanzjarja sa €9 biljun imħabbar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 u approvat mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tat-23-24 ta’ Ġunju 2022. Il-fondi ġew żborżati lill-Ukrajna fil-bidu ta’ Awwissu.
Il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tippermetti lill-Istati Membri jeżentaw temporanjament id-dazji doganali u l-VAT fuq l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ ikel, kutri, tined, ġeneraturi elettriċi u tagħmir ieħor li jsalva l-ħajja ddestinat għall-Ukreni affettwati mill-gwerra. Din il-miżura, li ntalbet mill-Istati Membri, se tapplika b’mod retroattiv mill-24 ta’ Frar 2022 u se tibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2022.
- 28 ta' Ġunju 2022
In-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku għadhom kemm ħabbru li l-kummerċ tal-elettriku bejn l-Ukrajna u l-UE se jibda fit-30 ta’ Ġunju. Dan l-iżvilupp isegwi s-sinkronizzazzjoni ta’ emerġenza b’suċċess tal-grilji Ukreni u tal-Moldova mal-Grilja Kontinentali Ewropea f’Marzu. Dan hu l-pass li jmiss fl-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi mal-Ewropa.
- 27 ta' Ġunju 2022
Wara talba mill-Ukrajna għal tagħmir mediku, tagħmir protettiv u tagħmir speċjalizzat għal riskji għas-saħħa pubblika bħal theddid kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari, il-Kummissjoni mmobilizzat ir-riżervi ta’ emerġenza ġodda tagħha rescEU.
- 23 ta' Ġunju 2022
L-UE tat status ta’ kandidat lill-Ukrajna u lill-Moldova
- 17 ta' Ġunju 2022
Il-Kummissjoni ppreżentat l-Opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-UE u rrakkomandat lill-Kunsill li l-pajjiż għandu jingħata status ta’ kandidat bil-fehim li jittieħdu passi f’numru ta’ oqsma.
- 14 ta' Ġunju 2022
Il-Kummissjoni ppreżentat gwida lill-pajjiżi tal-UE dwar kif jintegraw persuni li jaslu mill-Ukrajna fis-suq tax-xogħol u jappoġġjaw l-aċċess tagħhom għat-taħriġ u t-tagħlim għall-adulti. Il-gwida fiha wkoll diversi eżempji konkreti ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE li jappoġġjaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.
- 11 ta' Ġunju 2022
Il-President von der Leyen tiltaqa’ mal-President Zelenskyy f'Kiev u torganizza diskussjonijiet bi tħejjija għall-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-UE.
- 9 ta' Ġunju 2022
L-UE ħabbret €205 miljun addizzjonali f’assistenza umanitarja għall-Ukrajna. Dan iġib il-finanzjament totali tal-għajnuna umanitarja tal-UE u l-valur tal-assistenza in natura għal aktar minn €700 miljun b’reazzjoni għall-invażjoni illegali tal-Ukrajna mir-Russja, li minnhom €13-il miljun huma ddedikati għal proġetti fil-viċinat tal-Moldova.
- 9 ta' Ġunju 2022
L-UE tipprovdi €20 miljun f’għajnuna lin-negozji ġodda Ukreni permezz tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni.
- 31 ta' Mejju 2022
Il-Kummissjoni nediet pjattaforma tal-UE għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja u protezzjoni adegwata. Il-pjattaforma se tippermetti lill-pajjiżi tal-UE jiskambjaw informazzjoni dwar persuni rreġistrati f’ħin reali sabiex l-individwi li jaħarbu mill-Ukrajna jkunu jistgħu jibbenefikaw b’mod effettiv mid-drittijiet tagħhom fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jindirizzaw każijiet ta’ reġistrazzjonijiet doppji jew multipli u jillimitaw l-abbuż possibbli.
- 30 ta' Mejju 2022
Huma u jiltaqgħu fil-Kunsill Ewropew speċjali, il-mexxejja tal-UE qablu dwar is-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja.
- 25 ta' Mejju 2022
Biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-UE, il-Kummissjoni pproponiet li jiżdied il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-UE mal-lista ta’ reati tal-UE u li jissaħħu r-regoli dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi. Hu ta’ importanza kbira li l-miżuri restrittivi tal-UE jiġu implimentati bis-sħiħ u li l-ksur ta’ dawk il-miżuri ma jitħallewx jagħtu l-frott. Dawn il-proposti għandhom l-għan li jiżguraw li l-assi tal-individwi u l-entitajiet li jiksru l-miżuri restrittivi jkunu jistgħu jiġu kkonfiskati b’mod effettiv fil-futur.
- 20 ta' Mejju 2022
Il-Kummissjoni żborżat €600 miljun f’Assistenza Makrofinanzjarja ta’ emerġenza biex tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji akuti tal-Ukrajna, biex b’hekk tiżgura li tkun tista’ tkompli topera servizzi essenzjali u tindirizza l-ħtiġijiet bażiċi ta’ kuljum. Dan l-iżborż hu l-aħħar porzjon tal-pakkett ta’ għajnuna finanzjarja ta’ €1.2 biljun li l-Kummissjoni ħabbret fl-aħħar ta’ Jannar 2022.
- 18 ta' Mejju 2022
Il-Kummissjoni stabbilixxiet pjanijiet għar-rispons immedjat tal-UE biex tindirizza d-diskrepanza fil-finanzjament tal-Ukrajna, filwaqt li ħabbret sa €9 biljun ta’ assistenza makrofinanzjarja ġdida għall-2022, kif ukoll il-qafas ta’ rikostruzzjoni fit-tul.
- 16 ta' Mejju 2022
Il-Kummissjoni nediet helpline telefonika ddedikata bl-Ukren u bir-Russu biex tipprovdi informazzjoni u tassisti lil dawk li qed jaħarbu mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna.
- 12 ta' Mejju 2022
Permezz tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta pjan ta’ azzjoni biex tistabbilixxi “Korsiji ta’ Solidarjetà” bl-għan li tiżgura li l-Ukrajna tkun tista’ tesporta ċ-ċereali, iżda wkoll li tkun tista’ timporta l-prodotti li teħtieġ, minn għajnuna umanitarja sa għalf tal-annimali u fertilizzanti.
- 5 ta' Mejju 2022
Il-Kummissjoni ħabbret pakkett ġdid ta’ għajnuna ta’ €200 miljun biex tappoġġja lill-persuni spostati fl-Ukrajna, fil-kuntest tal-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi li tlaqqgħet b’mod konġunt mill-Polonja u l-Iżvezja.
- 29 ta' April 2022
Il-Kummissjoni ħallset aktar minn €3.5 biljun f’pagamenti bil-quddiem lill-Istati Membri biex tgħinhom jimmaniġġjaw il-wasla ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna fit-territorju tagħhom. Il-pagamenti għal REACT-EU saru taħt l-Azzjoni ta' Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa tal-UE.
- 27 ta' April 2022
Il-Kummissjoni pproponiet li tissospendi għal sena d-dazji tal-importazzjoni fuq l-esportazzjonijiet Ukreni kollha lejn l-UE. Il-proposta tara wkoll is-sospensjoni għal sena tal-miżuri antidumping u ta’ salvagwardja kollha tal-UE fis-seħħ fuq l-esportazzjonijiet tal-azzar tal-Ukrajna. Dan il-pass estensiv huwa mfassal biex jgħin jagħti spinta lill-esportazzjonijiet tal-Ukrajna lejn l-UE u jtaffi s-sitwazzjoni diffiċli tal-produtturi u l-esportaturi Ukreni.
- 17 ta' April 2022
L-UE allokat €50 miljun oħra f’finanzjament umanitarju biex tappoġġja lin-nies affettwati mill-gwerra tar-Russja fuq l-Ukrajna, inklużi €45 miljun għal proġetti umanitarji fl-Ukrajna u €5 miljun għall-Moldova. Dan iġib il-finanzjament totali tal-għajnuna umanitarja tal-UE b’reazzjoni għall-gwerra għal €143 miljun. Dan il-finanzjament huwa parti mill-pakkett ta’ appoġġ ta’ €1 biljun imwiegħed mill-Kummissjoni Ewropea fl-avveniment “Solidarjetà mal-Ukrajna”.
- 9 ta' April 2022
L-avveniment u l-kampanja globali ta’ wegħdiet ta’ donazzjonijiet “Solidarjetà mal-Ukrajna” ġabru €9.1 biljun għal persuni li qed jaħarbu mill-invażjoni Russa, fl-Ukrajna u barra mill-pajjiż, inklużi €1 biljun mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp ħabbar self addizzjonali ta’ €1 biljun biex ikopri l-ħtiġijiet tal-persuni spostati minħabba l-invażjoni.
- 8 ta' April 2022
L-UE qablet fuq il-ħames pakkett ta’ miżuri restrittivi kontra r-Russja b’reazzjoni għall-aggressjoni brutali tagħha kontra l-Ukrajna u l-poplu tagħha. Flimkien mal-erba’ pakketti preċedenti, dawn is-sanzjonijiet se jkomplu jikkontribwixxu biex tiżdied il-pressjoni ekonomika fuq il-Kremlin u biex tiddgħajjef il-kapaċità tiegħu li jiffinanzja l-invażjoni tal-Ukrajna. Dawn il-miżuri huma usa’ u aktar severi, u saħansitra jkomplu jdgħajfu sew l-ekonomija Russa. Dawn ġew ikkoordinati ma’ sħab internazzjonali.
- 8 ta' April 2022
L-operaturi tat-telekomunikazzjoni bbażati fl-UE u fl-Ukrajna ffirmaw dikjarazzjoni konġunta dwar l-isforzi koordinati tagħhom biex jiżguraw u jistabbilizzaw roaming u telefonati internazzjonali affordabbli jew mingħajr ħlas bejn l-UE u l-Ukrajna. Id-dikjarazzjoni konġunta għandha l-għan li tistabbilixxi qafas aktar stabbli biex jgħin lill-Ukreni spostati fl-Ewropa kollha biex jibqgħu f’kuntatt mal-familja u l-ħbieb lura f’pajjiżhom.
- 6 ta' April 2022
Il-Kummissjoni ppubblikat rakkomandazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u professjonali għan-nies li qed jaħarbu mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Din se tipprovdi gwida u pariri prattiċi lill-Istati Membri biex tiżgura proċess ta’ rikonoxximent rapidu, ġust u flessibbli.
- 5 ta' April 2022
Il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, ħabbret il-ħames ċiklu ta’ sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja. Miżuri restrittivi ġodda usa’ u eħrex se jimmiraw lejn sitt pilastri, li se jaffettwaw ħażin lill-ekonomija Russa u jsostnu l-pressjoni fuq il-Gvern Russu.
- 4 ta' April 2022
L-UE waqqfet Skwadra ta’ Investigazzjoni Konġunta mal-Ukrajna biex tiġbor evidenza u tinvestiga delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità. L-UE hija lesta li ssaħħaħ dan l-isforz billi tibgħat timijiet ta’ investigazzjoni fuq il-post biex jappoġġjaw lis-Servizzi ta’ Prosekuzzjoni Ukreni.
- 1 ta' April 2022
Il-Kummissjoni adottat proposta dwar il-konverżjoni tal-karti tal-flus tal-hryvnia fil-munita tal-Istati Membri ospitanti minn persuni li jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna. Hija għandha l-għan li tippromwovi approċċ ikkoordinat biex toffri lil dawk li qed jaħarbu mill-Ukrajna l-istess kundizzjonijiet għall-konverżjoni tal-karti tal-flus tal-hryvnia tagħhom f’munita lokali indipendentement mill-Istat Membru li jospitahom.
- 28 ta' Marzu 2022
Fil-Kunsill straordinarju tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, il-Viċi President għall-Promozzjoni tal-Istil ta' Ħajja Ewropew Tagħna, Margaritis Schinas u l-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, Ylva Johansson, f’koordinazzjoni mal-Presidenza Franċiża tal-Kunsill irrappreżentata mill-Ministru Gérald Darmanin, ippreżentaw Pjan ta’ 10 punti għal koordinazzjoni Ewropea aktar b’saħħitha dwar l-akkoljenza ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra kontra l-Ukrajna.
- 25 ta' Marzu 2022
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tal-Kanada ħabbru t-tnedija ta’ kampanja globali biex jinġabru fondi b’riżq in-nies li qed jaħarbu mill-invażjoni tal-Ukrajna, fi sħubija mal-organizzazzjoni internazzjonali ta’ promozzjoni Global Citizen.
- 23 ta' Marzu 2022
Il-Kummissjoni ddeskriviet l-azzjonijiet li qed jittieħdu b’appoġġ għall-Istati Membri biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ dawk li qed jaħarbu mill-gwerra kontra l-Ukrajna. Lil hinn mill-appoġġ immedjat ipprovdut f’termini ta’ assistenza fil-fruntiera, l-akkoljenza u l-protezzjoni ċivili, l-UE ħadet passi ulterjuri biex tgħin lill-Istati Membri jiżguraw li l-benefiċjarji jkunu jistgħu jaċċessaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u x-xogħol.
- 22 ta' Marzu 2022
Il-Kummissjoni nediet il-portal “Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Ukrajna”, punt uniku ta’ servizz għall-informazzjoni u s-servizzi ta’ appoġġ għar-riċerkaturi bbażati fl-Ukrajna u r-riċerkaturi li qed jaħarbu mill-Ukrajna.
- 17 ta' Marzu 2022
It-Task Force tal-Kummissjoni “Iffriżar u Qbid”, stabbilita biex tiżgura koordinazzjoni fil-livell tal-UE biex timplimenta sanzjonijiet kontra l-oligarki Russi u Belarussi elenkati, żiedet l-azzjoni tagħha fil-livell internazzjonali. Se taħdem flimkien mat-Task Force “Eliti, Prokuri, u Oligarki Russi (REPO)” li għadha kif ġiet stabbilita, li taħtha l-UE topera flimkien mal-pajjiżi tal-G7, kif ukoll l-Awstralja.
- 15 ta' Marzu 2022
B’segwitu għal-laqgħa informali tal-kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE fl-10-11 ta’ Marzu, il-Kunsill iddeċieda li jimponi r-raba’ pakkett ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u individwali fir-rigward tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dawn is-sanzjonijiet se jkomplu jikkontribwixxu biex tiżdied il-pressjoni ekonomika fuq il-Kremlin u biex tiġi mfixkla l-kapaċità tiegħu li jiffinanzja l-invażjoni tal-Ukrajna.
- 11 ta' Marzu 2022
Il-Kummissjoni żborżat €300 miljun f’Assistenza Makrofinanzjarja ta’ emerġenza lill-Ukrajna. Din hi l-parti inizjali tal-ewwel pagament parzjali ta’ €600 miljun taħt il-programm il-ġdid ta’ AMF ta’ emerġenza tal-Ukrajna ta’ €1.2 biljun. Il-programm jirrappreżenta dimostrazzjoni konkreta tal-appoġġ sod tal-UE għall-Ukrajna.
- 9 ta' Marzu 2022
Il-Kunsill iddeċieda li jimponi aktar sanzjonijiet immirati fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna u b’reazzjoni għall-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni. Dawn jinkludu miżuri restrittivi fuq 160 individwu addizzjonali. Flimkien mal-miżuri settorjali mmirati lejn il-Belarussja u r-Russja adottati wkoll mill-Kunsill, dawn il-listi ġodda jagħlqu l-lakuni u jikkonsolidaw il-miżuri eżistenti kif miftiehem mill-UE biex twieġeb għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna.
- 8 ta' Marzu 2022
Il-Kummissjoni ddeskriviet l-appoġġ tal-UE sostanzjali ħafna għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna, kif ukoll il-pajjiżi tal-UE li jirċevuhom. Is-solidarjetà Ewropea fl-azzjoni qed tgħin lin-nies permezz ta’ għajnuna umanitarja diretta, assistenza ta’ emerġenza għall-protezzjoni ċivili, appoġġ fil-fruntiera, kif ukoll status legali ċar li jippermetti lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra jirċievu protezzjoni immedjata fl-UE.
- 8 ta' Marzu 2022
Il-Kummissjoni adottat proposta għal Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa li tippermetti lill-Istati Membri u lir-reġjuni jipprovdu appoġġ ta’ emerġenza lill-persuni li qed jaħarbu mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.
- 4 ta' Marzu 2022
Il-Kummissjoni ssospendiet il-kooperazzjoni mal-entitajiet Russi fir-riċerka, ix-xjenza u l-innovazzjoni. Skont il-programm Orizzont Ewropa, il-Kummissjoni mhix se tikkonkludi kuntratti ġodda u l-anqas ftehmiet ġodda mal-organizzazzjonijiet Russi. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ssospendiet il-kooperazzjoni mar-Russja u mal-alleata tagħha il-Belarussja fil-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat kif ukoll fil-programm Interreg tar-reġjun tal-Baħar Baltiku.
- 2 ta' Marzu 2022
Wara t-tħabbira mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen, il-Kunsill tal-UE ddeċieda li jissospendi d-distribuzzjoni ta’ mezzi ta’ diżinformazzjoni tal-Istat Russu, Russia Today u Sputnik, fl-UE kollha. Is-sanzjonijiet ikopru l-mezzi kollha ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni, bħat-TV bil-cable, is-satellita, l-IPTV, il-pjattaformi, is-siti web u l-apps. Il-liċenzji, l-awtorizzazzjonijiet u l-arranġamenti ta’ distribuzzjoni rilevanti kollha huma sospiżi. Dawn il-miżuri qed ikopru l-Istati Membri kollha tal-UE u huma applikabbli direttament u minnufih.
- 2 ta' Marzu 2022
Il-Kummissjoni pproponiet li tattiva d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja biex toffri assistenza rapida u effettiva lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna. Skont din il-proposta, dawk li qed jaħarbu mill-gwerra se jingħataw protezzjoni temporanja fl-UE, li jfisser li se jingħataw permess ta’ residenza, u se jkollhom aċċess għall-edukazzjoni u għas-suq tax-xogħol.
- 2 ta' Marzu 2022
L-UE qablet li teskludi banek ewlenin Russi mis-sistema SWIFT, is-sistema dominanti dinjija ta’ messaġġi finanzjarji. Din il-miżura se twaqqaf lil dawn il-banek milli jwettqu t-tranżazzjonijiet finanzjarji tagħhom madwar id-dinja b’mod rapidu u effiċjenti. Id-Deċiżjoni tal-lum ġiet ikkoordinata mill-qrib mas-sħab internazzjonali tal-UE, bħall-Istati Uniti u r-Renju Unit.
- 28 ta' Frar 2022
Il-Kummissjoni ħabbret €90 miljun addizzjonali għal programmi ta’ għajnuna ta’ emerġenza biex tgħin liċ-ċivili milqutin mill-gwerra fl-Ukrajna, bħala parti minn appell urġenti ta’ għajnuna min-Nazzjonijiet Uniti. Il-finanzjament se jgħin lin-nies fl-Ukrajna u fil-Moldova.
Il-Kummissjoni qed tikkoordina wkoll it-twassil ta’ assistenza materjali permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili lill-Ukrajna, attwalment b’offerti minn 20 Stat Membru, li jinkludi 8 miljun oġġett essenzjali ta’ kura medika u appoġġ għall-protezzjoni ċivili.
Il-Moldova attivat il-mekkaniżmu biex tappoġġja lill-Ukreni li jaslu f’pajjiżhom. L-Awstrija, Franza u n-Netherlands diġà offrew appoġġ ta’ emerġenza bħal oġġetti ta’ kenn u assistenza medika lill-Moldova.
- 27 ta' Frar 2022
Il-Kummissjoni pproponiet miżuri ta’ appoġġ addizzjonali għall-Ukrajna u sanzjonijiet kontra r-Russja, inklużi:
- il-finanzjament tax-xiri u l-kunsinna ta’ armi u tagħmir ieħor lill-Ukrajna
- l-għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-UE għall-inġenji tal-ajru kollha li huma proprjetà tar-Russja, irreġistrati mir-Russja jew ikkontrollati mir-Russja [fis-seħħ mit-28 ta’ Frar]
- il-projbizzjoni tal-UE tal-mezzi tax-xandir tal-istat, Russia Today u Sputnik, fl-UE kif ukoll is-sussidjarji tagħhom [fis-seħħ mit-2 ta’ Marzu]
Il-Kummissjoni pproponiet ukoll pakkett ġdid kontra r-reġim ta’ Lukashenko fil-Belarussja, li jimmira lejn l-aktar setturi importanti tal-pajjiż, jirrestrinġi l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju u jissanzjona lil dawk il-Belarussi li jgħinu l-isforz tal-gwerra Russu.
- 26 ta' Frar 2022
F’koordinazzjoni ma’ Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Kanada, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, il-Kummissjoni pproponiet sett ġdid ta’ miżuri b’reazzjoni għall-aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna. Dawn il-miżuri għandhom l-għan:
- li jiġu esklużi banek Russi importanti mis-sistema SWIFT
- li jipprojbixxu t-tranżazzjonijiet tal-bank ċentrali tar-Russja u jiffriżaw l-assi kollha tiegħu [fis-seħħ mit-28 ta’ Frar]
- li jimmiraw l-assi tal-oligarki Russi [fis-seħħ mit-28 ta’ Frar]
- 25 ta' Frar 2022
B’segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Frar, il-Kunsill adotta pakkett ta’ miżuri individwali u ekonomiċi li jistrieħu fuq ħames pilastri:
- is-sanzjonijiet tas-settur finanzjarju li se jnaqqsu l-aċċess tar-Russja għas-swieq kapitali l-aktar importanti, immirati lejn 70% tas-suq bankarju Russu, iżda wkoll kumpaniji ewlenin tal-Istat, inkluż il-qasam tad-difiża
- is-sanzjonijiet fis-settur tal-enerġija li se jipprojbixxu l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni lejn ir-Russja ta’ prodotti u teknoloġiji speċifiċi fir-raffinar taż-żejt, u se jintroduċu restrizzjonijiet fuq il-forniment ta’ servizzi relatati
- is-sanzjonijiet fis-settur tat-trasport li se jipprojbixxu l-bejgħ kollu tal-inġenji tal-ajru, l-ispare parts u t-tagħmir lil-linji tal-ajru Russi. Dan se jiddegrada s-settur ewlieni tal-ekonomija tar-Russja u l-konnettività tal-pajjiż.
- is-sanzjonijiet fis-settur tat-teknoloġija li jimponu aktar restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju, kif ukoll ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti u ta’ teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ teknoloġiku tar-Russja tas-settur tad-difiża u s-sigurtà tagħha.
- is-sanzjonijiet tal-politika dwar il-viżi li jfissru diplomatiċi u gruppi relatati, u negozjanti mhux se jibqa’ jkollhom aċċess privileġġat għall-UE.
- 24 ta' Frar 2022
Fil-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew, il-mexxejja tal-UE kkundannaw bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux iġġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. Huma qablu dwar miżuri restrittivi ulterjuri li se jimponu konsegwenzi massivi u severi fuq ir-Russja għall-azzjoni tagħha, f’koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab u l-alleati tal-UE.
- 24 ta' Frar 2022
Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen ikkundannat bil-qawwa l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Hi appellat lir-Russja biex twaqqaf immedjatament il-vjolenza u tirtira t-truppi tagħha mit-territorju tal-Ukrajna, filwaqt li tenniet l-appoġġ sħiħ tal-UE għall-Ukrajna u l-poplu tagħha. Hi ppreżentat lill-mexxejja Ewropej għall-approvazzjoni pakkett ta’ sanzjonijiet massivi mmirati lejn setturi strateġiċi tal-ekonomija Russa billi jimblukkaw l-aċċess tagħhom għat-teknoloġiji u s-swieq.
- 23 ta' Frar 2022
B’reazzjoni għar-Russja li tirrikonoxxi ż-żoni mhux ikkontrollati mill-Gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk u d-deċiżjoni tagħha li tibgħat truppi fir-reġjun, l-UE adottat pakkett ta’ sanzjonijiet. Dawn is-sanzjonijiet huma mmirati lejn:
- l-individwi u l-entitajiet li kellhom rwol fid-dgħajfien jew it-theddid tal-integrità territorjali u l-indipendenza tal-Ukrajna
- ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn iż-żewġ reġjuni, mhux ikkontrollati mill-Gvern, u l-UE biex jiġi żgurat li dawk responsabbli jħossu b’mod ċar il-konsegwenzi ekonomiċi tal-azzjonijiet illegali u aggressivi tagħhom
- il-kapaċità tal-istat u l-Gvern Russu li jkollhom aċċess għas-swieq u s-servizzi kapitali u finanzjarji tal-UE, li jillimitaw il-finanzjament ta’ politiki eskalatorji u aggressivi
Dokumenti
Key documents: EU solidarity with Ukraine
Official Commission documents on how the EU is supporting Ukraine