Attakk kontra l-paċi u d-demokrazija
Sena ilu, fl-24 ta’ Frar 2022, il-forzi Russi bdew invażjoni sħiħa tal-Ukrajna. S’issa, il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja ferrxet il-mewt u l-qerda fl-Ukrajna.
L-Ukrajna saret iċ-ċentru tal-kontinent tagħna. Il-post fejn jiġu rispettati l-valuri tagħna, fejn il-libertà tagħna hija difiża, fejn jinkiteb il-futur tal-Ewropa.
Meta t-truppi Russi attakkaw lill-Ukrajna, kien hemm biżgħat mifruxa li l-pajjiż ma kienx se jkun jiflaħ għal żmien twil għat-tħarbit tal-invażuri u kien se titlef. Dak li ġara matul is-sena li għaddiet huwa preċiżament l-oppost. Il-qlubija leġġendarja tal-poplu Ukren għaġġbet id-dinja u r-reżistenza kontra l-invażur għadha għaddejja u hija appoġġjata bla heda mill-Unjoni Ewropea.
Minħabba l-attakki barbariċi tar-Russja fuq l-infrastruttura u l-popolazzjoni ċivili tal-Ukrajna, ħafna Ukreni ġew sfurzati jsibu kenn f’kantini mingħajr elettriku, gass jew ilma ġieri. Barra minn hekk, l-iskejjel fil-pajjiż kollu ġew ibbumbardjati ħafna, u b’hekk it-tfal waqfu milli jattendu l-iskola.
L-impatt tal-gwerra fuq il-ħajja ta’ kuljum
Għall-ewwel, meta l-bombi tar-Russja bdew jaqgħu fuq l-irħula u l-bliet fl-Ukrajna kollha, iċ-ċivili għamlu l-almu tagħhom tagħhom biex iżommu dehra ta’ normalità. Iżda ftit xhur wara l-gwerra, l-esperjenzi komuni tal-ħajja ta’ kuljum, bħal pereżempju li wieħed iżur forn lokali, jew sempliċiment li t-tfal imorru l-iskola, ma baqgħux possibbli minħabba l-vjolenza bla waqfien.

Nagħtu ġieħ lill-Ukreni kuraġġużi
In-numri u l-istatistika mhumiex biżżejjed biex jirrakkontaw l-istorja sħiħa. Biex nifhmu aħjar is-sitwazzjoni fuq il-post, ġbarna xhieda minn xi wħud minn dawk li qed iġorru l-piż tal-atroċitajiet tar-Russja.
- Aqra l-istorja ta’ Nina Biletska, li żammet djarju waqt l-ostilitajiet attivi f’Chernihiv
- L-għajxien ġewwa l-iskola. Kharkiv fi żminijiet ta’ gwerra
- Aqra l-istorja ta’ Viktor Tkachov, sid il-forn li rnexxielu jagħti ftit mill-ħobż bla ħlas lill-isptarijiet, lill-anzjani, u lill-militar.
- Tonya ħarbet minn Odesa u sabet rifuġju fl-UE. Hija tirrakkonta l-appoġġ li rċeviet matul is-sena li għaddiet u tikkondividi t-tamiet tagħha li terġa’ tibni l-Ukrajna

Meta bdiet il-gwerra, Yulia kellha tqala ta’ 36 ġimgħa. Kien diffiċli għaliha li tiddeċiedi dwar l-evakwazzjoni fi stadju daqshekk tard tat-tqala. U ma riditx tħalli lil żewġha, li ngħaqad mad-difiża territorjali. Hija xtaqet li jżomm lit-tarbija tagħhom f’idejh mill-inqas darba.
Spalla ma’ spalla mal-Ukrajna sakemm ikun hemm bżonn
Mill-ewwel jum tal-gwerra mhux ġustifikata u illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea u l-alleati tagħha ħadu d-deċiżjoni kollettiva li jappoġġjaw lill-Ukrajna. Minn meta bdiet il-gwerra, l-Unjoni Ewropea pprovdiet lill-Ukrajna b’€67 biljun f’appoġġ ekonomiku, umanitarju u militari.
L-assistenza se tkompli għal kemm iddum il-gwerra u lil hinn minnha.
Aqra aktar dwar l-assistenza tal-UE lill-Ukrajna
Min-naħa l-oħra, l-Unjoni Ewropea se żżomm il-pressjoni fuq il-gvern Russu permezz ta’ taħlita ta’ diplomazija u sett strett ta’ sanzjonijiet.
Kooperazzjoni politika mill-qrib
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ivvjaġġat lejn Kiev fit-2 ta’ Frar 2023, akkumpanjata minn 15-il Kummissarju, għall-ewwel laqgħa li qatt saret bejn il-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-UE u l-Gvern Ukren, u bagħtet sinjal qawwi tal-impenn sod tal-UE biex tgħin lill-Ukrajna.
Il-kooperazzjoni politika mal-Ukrajna hija aktar b’saħħitha minn qatt qabel:
- bil-ħidma li għaddejja dwar l-adeżjoni
- l-aċċess għas-Suq Uniku
- is-sinkronizzazzjoni mal-grilja tal-elettriku Ewropea
- l-aċċess għar-roaming
- il-protezzjoni tat-tfal
L-impatt tal-gwerra fl-Ewropa u lil hinn minnha
Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja għandha effetti globali, li qed iħallu impatt partikolari fuq dawk l-aktar vulnerabbli. Il-ħsara li saret lill-infrastruttura tal-Ukrajna kellha impatt perikoluż fuq is-sigurtà tal-ikel għal miljuni ta’ nies madwar id-dinja.
L-Unjoni Ewropea qed tieħu passi biex tiżgura li s-sigurtà globali tal-ikel tiġi restawrata permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali. Qed timmobilizza wkoll l-għajnuna umanitarja u l-appoġġ lill-bdiewa l-aktar affettwati.
Tħejjija ta’ futur aħjar għall-Ukrajna

Is-solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna u l-poplu tagħha se tibqa’ soda. Aħna konxji ħafna li dan mhuwiex biss il-futur tal-poplu Ukren, iżda l-futur tal-kontinent Ewropew kollu. Il-libertà u d-demokrazija huma fil-qalba tal-ispirtu Ewropew, u fuq dawk qatt mhu se nikkompromettu.
Nemmnu bis-sħiħ li l-Ukrajna se toħroġ rebbieħa minħabba li l-ġustizzja hija fuq in-naħa tagħha. U meta jasal dak il-jum, l-Unjoni Ewropea se tkun spalla ma' spalla mal-Ukrajna biex tgħin lill-pajjiż jerġa’ lura fuq saqajh u tappoġġja l-irkupru u r-rikostruzzjoni tiegħu.
Għandna r-rieda politika li nżommu lill-awturi tad-delitti li qed jitwettqu responsabbli, inkluż għad-delitt ta’ aggressjoni. Filwaqt li nkomplu nappoġġjaw il-ħidma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, aħna lesti li naħdmu mal-komunità internazzjonali dwar l-istabbiliment ta’ tribunal internazzjonali ad hoc jew tribunal “ibridu” speċjalizzat biex jinvestiga u jipproċedi kontra r-reati tal-aggressjoni Russa. Biex ngħinu fil-koordinazzjoni tal-ġbir tal-evidenza, se nistabbilixxu Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna f’The Hague.