Skip to main content
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

Sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja wara l-invażjoni tal-Ukrajna

#StandWithUkraine

Din l-informazzjoni hi disponibbli wkoll: bl-Ukren | українська | bir-Russu | русский

Dawn il-miżuri huma intelliġenti u mmirati, u jolqtu lir-Russja f’oqsma li fihom hi partikolarment sensibbli (b’impatt massimu fuq l-elit politiku Russu) u ġew ikkoordinati tajjeb mal-alleati tagħna.

Is-sanzjonijiet huma elenkati hawn taħt.

Elenkar individwali ta’ persuni u entitajiet

Il-projbizzjoni li jiġu pprovduti fondi jew riżorsi ekonomiċi tapplika għal:

Nies

  • Projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar
  • Iffriżar tal-assi
  • Projbizzjoni li jiġu pprovduti fondi

Entitajiet

  • Iffriżar tal-assi
  • Projbizzjoni li jiġu pprovduti fondi
FATT

Fost dawk sanzjonati nsibu rappreżentanti politiċi ewlenin, oligarki, staff militari u propagandisti. Miżuri restrittivi fir-rigward tal-azzjonijiet li jimminaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna issa japplikaw għal:

1,473
individwu
205
entità
  • L-espansjoni tal-kriterji tal-elenkar jippermettulna nindirizzaw faċilment il-Gvern Russu kollu u l-membri tal-familja tagħhom, l-oligarki, in-nies tan-negozju, il-propagandisti u l-atturi tad-diżinformazzjoni, u dawk attivi f’setturi ewlenin tal-ekonomija Russa, b’appoġġ għall-aggressjoni militari.
  • It-tisħiħ tar-rappurtar, li jirrikjedi li l-persuni elenkati jiżvelaw b’mod attiv l-assi kollha tagħhom fl-UE. Dan jgħin biex jiġi żgurat li l-assi jiġu traċċati u ffriżati b’mod ħafna aktar effettiv.

Miżuri finanzjarji u tas-servizz tan-negozju

Qed innaqqsu l-aċċess tar-Russja għas-swieq kapitali tal-UE, inżidu l-ispejjeż tas-self għall-entitajiet sanzjonati u nnaqqru gradwalment il-bażi industrijali tar-Russja billi:

  • nipprojbixxu kwalunkwe forma ta’ self lil ċerti banek Russi u lill-Gvern Russu (inkluż il-Bank Ċentrali) u x-xiri ta’ titoli maħruġin minnhom
  • nimponu l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet ta’ finanzjament fuq għadd ta’ banek Russi
  • nipprojbixxu għal kollox kwalunkwe tranżazzjoni ma’ ċerti intrapriżi tal-Istat Russu f’setturi differenti, jiġifieri mal-kumpless militari-industrijali tal-Kremlin
  • nikkjarifikaw li l-kriptoassi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “titoli trasferibbli”
  • nestendu l-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-karti tal-flus u fuq il-bejgħ ta’ titoli trasferibbli għall-muniti uffiċjali kollha tal-UE; nipprojbixxu l-kartieri tal-kriptoassi kollha, irrispettivament mill-ammont
  • nipprojbixxu l-klassifikazzjoni tar-Russja u tal-kumpaniji Russi minn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-UE u l-forniment ta’ servizzi ta’ klassifikazzjoni lill-klijenti Russi
  • nipprojbixxu l-forniment ta’ servizzi tal-kriptoassi ta’ valur għoli lir-Russja
  • nipprojbixxu l-għoti ta’ konsulenza dwar it-trusts għar-Russi għonja, biex tkun aktar diffiċli għalihom jaħżnu l-ġid tagħhom fl-UE
  • nipprojbixxu ċerti servizzi rilevanti għan-negozju - direttament jew indirettament - bħall-kontabbiltà, l-awditjar, l-awditjar statutorju, iż-żamma tal-kotba u s-servizzi ta’ konsulenza dwar it-taxxa, il-konsulenza tal-IT, il-konsulenza legali, is-servizzi ta’ arkitettura u inġinerija, il-konsulenza kummerċjali u maniġerjali, is-servizzi tar-relazzjonijiet pubbliċi, is-servizzi tar-riċerka tas-suq u tal-istħarriġ tal-opinjoni pubblika, is-servizzi tekniċi tal-ittestjar u l-analiżi, u s-servizzi ta’ relaklamar lill-Gvern Russu, kif ukoll lill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi ġuridiċi stabbiliti fir-Russja
  • nimmiraw lejn l-elit Russu billi nipprojbixxu d-depożiti kbar tagħhom fil-banek tal-UE

Qed nimblukkaw ukoll ir-riżervi tal-kambju miżmumin mill-UE billi:

Din il-miżura twaqqaf lil dawn il-banek milli jwettqu t-tranżazzjonijiet finanzjarji tagħhom fid-dinja b’mod rapidu u effiċjenti.

FATT

70% tal-assi tas-sistema bankarja Russa huma taħt sanzjonijiet

Settur tal-enerġija

Il-projbizzjoni tal-esportazzjonijiet ta’ teknoloġiji speċifiċi tar-raffinar, li żżid mal-projbizzjoni eżistenti fuq it-tagħmir taż-żejt mill-2014, tagħmilha aktar diffiċli u aktar għalja għar-Russja biex taġġorna r-raffineriji taż-żejt tagħha.

Projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ kull forma ta’ faħam Russu.

Projbizzjoni estensiva fuq investiment ġdid fis-settur tal-enerġija Russu, b’eċċezzjonijiet limitati għall-enerġija nukleari ċivili u t-trasport ta’ ċerti prodotti tal-enerġija lura lejn l-UE.

Projbizzjoni sħiħa fuq l-importazzjoni taż-żejt mhux raffinat li jinġarr bil-baħar u tal-prodotti tal-petroleum Russi kollha. Il-projbizzjoni hija soġġetta għal ċerti perjodi ta’ tranżizzjoni biex is-settur u s-swieq globali jkunu jistgħu jadattaw, u għal eżenzjoni temporanja għaż-żejt mhux raffinat mill-pipeline biex jiġi żgurat it-tnaqqis gradwali. Dan jippermetti lill-UE u lis-sħab tagħha jiżguraw provvisti alternattivi u jimminimizza l-impatt fuq il-prezzijiet globali taż-żejt.

Se jiġu pprojbiti investimenti ġodda tal-UE fis-settur tal-minjieri Russu, bl-eċċezzjoni ta’ ċerta materja prima.

Il-G7 u l-Istati Membri kollha tal-UE stabbilixxew limitu massimu fuq il-prezz tal-esportazzjoni taż-żejt mhux maħdum Russu li jinġarr bil-baħar, iffissat għal prezz massimu ta’ $60 għal kull barmil. Dan għandu l-għan li jnaqqas aktar id-dħul tar-Russja, iżomm is-swieq globali tal-enerġija stabbli u jgħin biex jindirizza l-inflazzjoni u jżomm l-ispejjeż tal-enerġija stabbli.

FATT

Dan ikopri 90% tal-importazzjonijiet attwali tagħna taż-żejt mir-Russja.

Settur tat-trasport

  • Projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet, il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment tal-inġenji tal-ajru, il-partijiet u t-tagħmir tal-inġenji tal-ajru kollha lejn ir-Russja.
  • Projbizzjoni fuq il-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija, manutenzjoni jew servizzi finanzjarji relatati kollha.
  • Għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-UE għall-inġenji tal-ajru kollha li għandhom sjieda Russa, huma irreġistrati fir-Russja jew ikkontrollati minnha, inklużi jets privati ta’ oligarki.
  • Restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti tan-navigazzjoni marittima u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni bir-radju.
  • Projbizzjoni sħiħa tal-operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq Russi u Belorussi li jaħdmu fl-UE (ċerti eċċezzjonijiet se jkopru elementi essenzjali, bħall-agrikoltura u l-prodotti tal-ikel, l-għajnuna umanitarja kif ukoll l-enerġija).
  • Projbizzjoni fuq id-dħul ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera Russa fil-portijiet tal-UE (japplikaw eċċezzjonijiet għal skopijiet mediċi, tal-ikel, tal-enerġija u umanitarji).
FATT

Tliet kwarti tal-flotta tal-ajru kummerċjali attwali tar-Russja nbniet fl-UE, fl-Istati Uniti u fil-Kanada. Dan ifisser li r-Russja mhux se tkun tista’ żżomm il-flotta tagħha skont l-istandards internazzjonali.

Oġġetti b’użu doppju u oġġetti teknoloġiċi avvanzati

It-tisħiħ u l-estensjoni tal-kontrolli tal-esportazzjoni fuq oġġetti b’użu doppju biex jiġu mmirati setturi sensittivi fil-kumpless militari industrijali tar-Russja, u jiġi limitat l-aċċess tar-Russja għal teknoloġija avvanzata kruċjali, bħal:

  • droni u software għad-droni
  • software għall-apparati ta’ kriptaġġ
  • semikondutturi u elettronika avvanzata
  • magni għad-droni
  • sustanzi kimiċi li jistgħu jintużaw għal armi kimiċi
  • oġġetti għall-infurzar tal-liġi
  • materjali speċjali u makkinarju industrijali
  • tagħmir tal-camouflage u aġenti għall-kontroll tal-irvellijiet, komponenti elettroniċi identifikati fl-armi Russi

L-estensjoni tal-lista ta’ entitajiet sanzjonati li għalihom japplikaw restrizzjonijiet aktar stretti, inklużi kumpaniji attivi f’oqsma militari u ta’ difiża, li qed jappoġġjaw b’mod loġistiku u materjali l-invażjoni.

FATT

Is-sanzjonijiet jolqtu l-aċċess tar-Russja għal teknoloġiji importanti lil hinn minn prodotti u teknoloġiji b’użu doppju u matul iż-żmien se jbaxxu l-kapaċitajiet teknoloġiċi tagħhom

Is-sanzjonijiet iwaqqfu l-finanzjament pubbliku jew l-assistenza finanzjarja għall-kummerċ mar-Russja jew l-appoġġ għall-investiment fiha, inkluż l-appoġġ nazzjonali għall-esportazzjoni

Miżuri restrittivi għall-kummerċ: projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni

L-UE, f’kollaborazzjoni mal-pajjiżi tal-G7 u sħab oħrajn tal-istess fehma, waqfet tittratta lir-Russja bħala Nazzjon Iffavorit Ħafna fi ħdan il-qafas tad-WTO mill-15 ta’ Marzu 2022. Dan iċaħħad lir-Russja minn vantaġġi kummerċjali ewlenin bħala membru tad-WTO.

L-UE ddeċidiet li taġixxi mhux permezz ta’ żieda fit-tariffi tal-importazzjoni, iżda permezz ta’ sett ta’ sanzjonijiet li jinkludu projbizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti, b’mod partikolari:

  • projbizzjoni tal-UE fuq l-importazzjoni tal-prodotti kollha tal-azzar lesti u nofshom lesti
  • projbizzjoni tal-UE fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti ta’ lussu biex jintlaqtu direttament l-eliti Russi
  • projbizzjonijiet addizzjonali fuq l-importazzjoni, inklużi s-siment, il-prodotti tal-lastku, l-injam, l-ispirti, il-likur, il-frott tal-baħar ta’ kwalità għolja
  • aktar projbizzjonijiet immirati fuq l-esportazzjonijiet - b’valur ta’ €10 biljun - f’oqsma fejn ir-Russja hija vulnerabbli minħabba d-dipendenza għolja tagħha fuq il-provvisti tal-UE. Dan jinkludi, pereżempju, il-computing kwantistiku, is-semikondutturi avvanzati, il-makkinarju sensittiv, it-trasport u s-sustanzi kimiċi. Dan jinkludi wkoll katalizzaturi speċjalizzati użati fl-industrija tar-raffineriji. Dan se jikkontribwixxi biex jiddegrada l-bażi teknoloġika u l-kapaċità industrijali tar-Russja
  • mal-projbizzjonijiet li diġà jeżistu fuq l-esportazzjonijiet, jiżdiedu l-fjuwil tal-jets u tal-addittivi tal-fjuwil li jistgħu jintużaw mill-armata Russa
  • projbizzjoni fuq ix-xiri, l-importazzjoni, jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, ta’ deheb, jekk joriġina mir-Russja
  • projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti b’teknoloġija baxxa użati mill-militar bħal droni tal-logħob/passatempi, apparati kumplessi ta’ ġeneraturi, kompjuters laptop, kameras u lentijiet, apparat għall-għajnuna tan-navigazzjoni bir-radju u apparat għat-trażmissjoni jew ir-riċezzjoni ta’ vuċi, immaġni jew data

FATT

  • Il-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti ta’ lussu tal-UE qed iċċaħħad lill-eliti Russi minn oġġetti bħal karozzi, arloġġi tal-idejn u ġojjellerija. Il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tkopri prodotti emblematiċi Russi bħall-vodka u l-kavjar.
  • Il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-faħam Russu taffettwa kwart tal-esportazzjonijiet globali tal-faħam mir-Russja, li jammontaw għal telf ta’ dħul ta’ €8 biljun kull sena għar-Russja.
  • Min-naħa tal-esportazzjoni, il-valur totali stmat tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġiji sal-lum huwa ta’ €32.5 biljun. Dan jirrappreżenta 36% tal-esportazzjoni tal-UE qabel l-invażjoni.
  • 57% tal-importazzjonijiet ta’ qabel il-gwerra huma koperti mill-miżuri, li jirrappreżentaw €89.9 biljun.
  • Il-valur totali tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tas-servizzi huwa ta’ €3.28 biljun (16% tal-esportazzjonijiet tas-servizzi tal-UE lejn ir-Russja fl-2021).
  • L-ebda waħda mill-miżuri li l-UE adottat ma timmira b’xi mod il-kummerċ fi prodotti agrikoli u tal-ikel, inklużi l-qamħ u l-fertilizzanti, bejn pajjiżi terzi u r-Russja.

 

L-esklużjoni tar-Russja minn kuntratti pubbliċi u minn flus Ewropej

  • Il-projbizzjoni totali fuq il-parteċipazzjoni ta’ ċittadini u entitajiet Russi f’kuntratti ta’ akkwist fl-UE.
  • Ir-restrizzjoni fuq appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju għal entitajiet li huma ta’ proprjetà pubblika tar-Russja jew ikkontrollati mir-Russja fi programmi tal-UE, tal-Euratom u tal-Istati Membri. Mhu se jiġi konkluż l-ebda kuntratt jew ftehim ġdid ma’ korpi pubbliċi Russi jew entitajiet relatati.

FATT

Il-Kummissjoni qed ittemm il-parteċipazzjoni ta’ korpi pubbliċi Russi jew entitajiet relatati fil-ftehimiet ta’ għotja kollha li għaddejjin, u tissospendi l-pagamenti relatati kollha, taħt Orizzont 2020, Euratom, u Erasmus+. 

Għal Orizzont Ewropa (minbarra l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni), l-entitajiet ġuridiċi kollha (pubbliċi u privati) stabbiliti fir-Russja, fil-Belarussja jew f’territorji mhux ikkontrollati mill-Gvern tal-Ukrajna mhumiex eliġibbli biex jipparteċipaw.

Miżuri dwar il-viża

Fid-9 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill qabel li jissospendi bis-sħiħ il-Ftehim tal-UE għall-Faċilitazzjoni tal-Viża mar-Russja. Dan ifisser li ċ-ċittadini Russi m’għadhomx igawdu minn aċċess privileġġat għall-UE u jiffaċċjaw proċess ta’ applikazzjoni għal viża itwal, aktar għali u aktar diffiċli. L-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża għal soġġorn qasir minn ċittadini Russi, u jistgħu jiżguraw skrutinju akbar taċ-ċittadini Russi li jixtiequ jivvjaġġaw lejn l-UE. L-UE se tibqa’ miftuħa għal ċerti kategoriji ta’ applikanti Russi għal viża li jivvjaġġaw għal skopijiet essenzjali, inklużi b’mod partikolari membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE, ġurnalisti, dissidenti u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll proposta leġiżlattiva dwar in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ passaporti Russi maħruġin f’reġjuni okkupati tal-Ukrajna. Issa hu f’idejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jiddeċiedu dwar il-proposta.

Sanzjonar tal-atturi tad-diżinformazzjoni

Il-mezzi ta’ diżinformazzjoni tal-istat u favur il-Kremlin huma essenzjali u strumentali fl-appoġġ tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Huma jikkostitwixxu theddida sinifikanti u diretta għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà tal-UE. Dan hu għaliex l-UE ddeċidiet li tissanzjona l-assi ta’ diżinformazzjoni u ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni tal-Kremlin.

Sospensjoni tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ Russia Today Sputnik, Rossiya RTR/RTR Planeta, Rossiya 24/Russia 24, TV Centre International, NTV/NTV Mir, Rossiya 1, REN TV u Pervyi Kanal – bħal permezz tal-cable, tas-satelliti,tal-IPTV, tal-pjattaformi, tas-siti web u tal-apps. Il-liċenzji, l-awtorizzazzjonijiet u l-arranġamenti ta’ distribuzzjoni rilevanti kollha huma sospiżi. Dan jirrigwarda wkoll ix-xandir lejn pajjiżi terzi.

Ir-reklamar ta’ prodotti jew servizzi fuq stazzjonijiet sanzjonati ġie pprojbit ukoll.

    EUvsDisinfo: Diżinformazzjoni dwar l-Ukrajna
     

    Dawn il-miżuri jiżdiedu mas-sanzjonijiet miftiehma fit-23 ta’ Frar 2022 fir-rigward ta’ Donetsk u Luhansk, b’mod partikolari:

    • projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija minn dawn iż-żoni
    • restrizzjonijiet fuq il-kummerċ u l-investimenti relatati ma’ ċerti setturi ekonomiċi
    • projbizzjoni fuq il-forniment ta’ servizzi turistiċi
    • projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti u teknoloġiji

    Il-Belarussja

    Pakkett ta’ sanzjonijiet kontra l-Belarussja li jolqtu l-aktar setturi importanti tagħhom u individwi li jappoġġjaw l-isforz tal-gwerra Russu.

    Sanzjonijiet biex jingħalqu l-lakuni eżistenti u jkunu imposti restrizzjonijiet ulterjuri fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni fuq setturi ekonomiċi ewlenin:

    • Tintemm l-eżenzjoni għal kuntratti konklużi qabel l-adozzjoni tas-sanzjonijiet eżistenti.
    • Jiżdiedu projbizzjonijiet ġodda fuq l-importazzjoni tal-potassa, l-injam, is-siment, il-ħadid u l-azzar, u l-prodotti tal-lastku u projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ makkinarju, oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju, kif ukoll oġġetti u teknoloġiji avvanzati oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp militari, teknoloġiku, tad-difiża u tas-sigurtà tal-Belarussja.
    • Jiġu mmirati miżuri restrittivi lejn membri ta’ livell għoli tal-persunal militari tal-Belarussja.
    • Projbizzjonijiet SWIFT simili għal dawk għar-Russja, u l-espansjoni ulterjuri tar-restrizzjonijiet finanzjarji eżistenti, f’konformità mal-miżuri diġà fis-seħħ rigward is-sanzjonijiet tar-Russja.

    Dawn is-sanzjonijiet ġew estiżi fis-6 ta’ Ottubru 2022 biex ikopru ż-żoni kollha mhux ikkontrollati mill-gvern tal-Ukrajna fiż-żoni ta’ Donetsk, Luhansk, Zaporizhzhia u Kherson.

    Proċess ta’ adeżjoni mad-WTO

    Fid-dawl tal-appoġġ materjali tal-Belarussja għall-invażjoni Russa, il-proċess ta’ adeżjoni tagħha hu sospiż u l-UE mhi se tipparteċipa f’ebda ħidma relatata mal-adeżjoni. Dan ġie kkonfermat f’dikjarazzjoni konġunta ma’ membri oħrajn tad-WTO tal-istess fehma fit-22 ta’ Marzu 2022. 

    FATT

    Is-sanzjonijiet isaħħu b’mod sinifikanti l-miżuri settorjali kurrenti, immirati lejn 5 mill-ewwel 10 setturi tal-esportazzjoni tal-ekonomija Belarussa u l-aktar esportazzjonijiet importanti tal-UE lejn il-Belarussja. Il-miżuri issa se jkopru kważi 70% tal-esportazzjonijiet Belarussi lejn l-UE.

    Task Force “Iffriżar u Sekwestru”

    Il-Kummissjoni waqqfet it-“Task Force Iffriżar u Sekwestru” biex tesplora r-rabtiet bejn l-assi li jappartjenu għal persuni elenkati taħt is-sanzjonijiet tal-UE u l-attivitajiet kriminali. Filwaqt li l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri, l-għan tat-Task Force hu li tissaħħaħ il-koordinazzjoni meħtieġa fil-livell operazzjonali biex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tas-sanzjonijiet tal-UE fl-Istati Membri kollha.

    It-Task Force hi magħmula minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, punti ta’ kuntatt minn kull Stat Membru, l-Eurojust u l-Europol. Hi se tikkoordina l-ħidma tagħha mat-“Task Force Eliti, Prokuri, u Oligarki Russi (REPO)” stabbilita bejn il-pajjiżi tal-G7, l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea. Se tiltaqa’ kull ġimgħa u se tibqa’ operattiva għaż-żmien meħtieġ.

    Irkupru u konfiska tal-assi

    Biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-UE, il-Kummissjoni pproponiet li jiżdied il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-UE mal-lista ta’ reati tal-UE, u li jissaħħu r-regoli dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi. Filwaqt li l-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna għadha għaddejja, huwa ta’ importanza kbira li l-miżuri restrittivi tal-UE jiġu implimentati għal kollox u li l-ksur ta’ dawk il-miżuri ma jitħalliex jagħti l-frott. Dawn il-proposti għandhom l-għan li jiżguraw li l-assi ta’ individwi u entitajiet li jiksru l-miżuri restrittivi jistgħu jiġu kkonfiskati b’mod effettiv fil-futur.