Bucha: Is-simbolu tal-massakru ċivili
L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja ġabet magħha mewt, qerda u tbatija indiskutibbli.
Qabel il-gwerra, Bucha kien subborg kwiet u jilqa’ lil kulħadd fil-periferija ta’ Kiev. Wara Marzu 2022 sar is-simbolu tad-delitti orribbli mwettqa matul l-invażjoni brutali Russa.
Il-massakru ta’ Bucha twettaq mill-okkupant Russu. Kien attakk bla sens u brutali kontra ċivili, nisa, tfal u anzjani innoċenti, qatel ħafna persuni u ħalla għexieren ta’ persuni midruba.
Sena wara din il-vjolenza atroċi, l-UE u l-komunità internazzjonali jiftakru l-vittmi ta’ dan il-massakru u jibqgħu impenjati bis-sħiħ biex jiżguraw li r-Russja tħallas għad-delitti tagħha, inkluż id-delitt ta’ aggressjoni kontra stat sovran.
L-orruri indeskrivibbli

Matul l-okkupazzjoni ta’ Bucha, ir-Russi żammew madwar 25 tifla Ukrena ta’ bejn 14 u 24 sena f’kantina u stuprawhom b’mod kostanti. Disgħa minnhom kellhom it-tqala.

Raġel jimbotta r-rota tiegħu qalb il-fdalijiet u vetturi militari meqruda fit-triq fis-6 ta’ April 2022 f’Bucha, wara l-ħruq u s-sakkeġġ tar-Russi.
Ritratt ta’ Chris McGrath/Getty Images

Qabar tal-massa u boroż bl-iġsma fihom skjerati mal-art, ħdejn il-Knisja ta’ Sant Andrija Pervozvannoho tal-Qaddisin Kollha fil-belt ta’ Bucha, ftit jiem wara l-offensiva Russa.
Ksur tad-dritt internazzjonali
L-UE hija impenjata bis-sħiħ biex tiżgura li d-delitti tal-gwerra mwettqa fl-Ukrajna ma jibqgħux mingħajr kastig.
Id-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra, il-ġenoċidju u d-delitt tal-aggressjoni huma meqjusa bħala l-aktar ksur serju tad-dritt internazzjonali, imsejħin ukoll delitti internazzjonali.
L-Ukrajna qed tinvestiga aktar minn 69,000 inċident ta’ allegati delitti internazzjonali, u l-għadd reali ta’ atroċitajiet bħal dawn huwa ssuspettat li huwa saħansitra ogħla.
diġà fetħu investigazzjonijiet nazzjonali għal delitti internazzjonali mwettqa fl-Ukrajna
Il-Polonja, il-Latvja, l-Estonja, is-Slovakkja, ir-Rumanija u l-Litwanja huma parti mill-Iskwadra ta' Investigazzjoni Konġunta appoġġjata mill-Eurojust, flimkien mal-Ukrajna u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI).
X’inhu delitt ta’ aggressjoni
Id-delitt tal-aggressjoni ġeneralment jitwettaq mill-ogħla tmexxija politika u militari ta’ pajjiż kontra s-sovranità, l-integrità territorjali, jew l-indipendenza politika ta’ pajjiż ieħor. Id-delitti ta’ aggressjoni jinkludu l-invażjoni, l-okkupazzjoni militari, l-annessjoni bl-użu tal-forza, il-bumbardament, u l-imblokk militari tal-portijiet, li kollha kemm huma twettqu mir-Russja.
Peress li r-Russja ma aċċettatx il-ġuriżdizzjoni tal-QKI, il-Kummissjoni qed tipproponi għażliet alternattivi biex tiżgura li l-ġustizzja ssir ukoll għad-delitt tal-aggressjoni.
Il-prosekuzzjoni tad-delitti tar-Russja fl-Ukrajna
Filwaqt li tkompli tappoġġja l-ħidma tal-QKI, il-Kummissjoni, flimkien mal-komunità internazzjonali, qed taħdem fuq il-ħolqien ta’ tribunal għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tad-delitt ta’ aggressjoni tar-Russja.
Biex tgħin fil-koordinazzjoni tal-ġbir tal-evidenza, il-Kummissjoni stabbiliet Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta' Aggressjoni kontra l-Ukrajna f’The Hague, ankrat fl-Iskwadra ta' Investigazzjoni Konġunta eżistenti, appoġġjata mill-Eurojust. Iċ-Ċentru se jappoġġja l-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet u l-ġbir addizzjonali ta’ evidenza tad-delitti tal-gwerra mwettqa fl-Ukrajna.
Il-Kummissjoni tkompli wkoll tappoġġja l-mekkaniżmi eżistenti billi:
- tappoġġja l-kapaċitajiet tal-QKI b’aktar minn €10 miljun mill-bidu tal-invażjoni
- issaħħaħ l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukrajna, b’aktar minn €6 miljun fuq l-IT u t-tagħmir
- tadatta l-Eurojust għall-kompitu: Bir-Regolament emendat dwar il-Eurojust, l-Aġenzija tista’ tippreserva, taħżen u tanalizza b’mod sigur l-evidenza relatata ma’ reati internazzjonali f’bażi ta’ data ġdida.
- tappoġġja l-Eurojust u l-Europol, li jaġixxu bħala ċentri ta’ koordinazzjoni għall-investigazzjonijiet nazzjonali mill-Istati Membri tal-UE
- tikoordina mas-sħab internazzjonali tagħna biex jiġi żgurat l-irfigħ tar-responsabbiltà u r-rispons globali
Ħlas għall-ħsara li saret
Ir-Russja u l-oligarki tagħha jridu jikkumpensaw lill-Ukrajna għad-dannu u l-qerda li qed jiġu kkawżati.
F’Marzu 2022, wara l-bidu tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Kummissjoni waqqfet it-Task Force "Iffriżar u Sekwestru". L-għan tat-Task Force huwa li tiżgura koordinazzjoni aħjar tas-sanzjonijiet tal-UE kontra individwi u kumpaniji Russi u Belarussi.
It-Task Force hija mmexxija mill-Kummissjoni u tippermetti lill-Istati Membri, kif ukoll lill-Aġenziji tal-UE, lill-Eurojust u lill-Europol, jaħdmu flimkien biex jidentifikaw, jiffriżaw u, fejn possibbli, jikkonfiskaw l-assi Russi.
It-Task Force taħdem mill-qrib mas-sħab internazzjonali, inklużi l-awtoritajiet Ukreni u tal-Istati Uniti. Fil-livell tal-G7+, it-Task Force tikkoopera fuq bażi regolari mat-Task Force “Russian Elites, Proxies and Oligarchs” (REPO).
Il-bini mill-ġdid tal-Ukrajna
Bl-għajnuna tat-Task Force Iffriżar u Sekwestru, l-Istati Membri tal-UE ffriżaw €24 biljun f’assi li jappartjenu lill-oligarki u lill-kumpaniji Russi u Belarussi.
Aktar minn €200 biljun ta’ assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja huma mmobilizzati fl-UE.
Biex tagħmel l-aħjar użu minn dawn il-fondi u tibda tibni mill-ġdid l-Ukrajna, il-Kummissjoni pproponiet għażliet differenti lill-Istati Membri. Dawn jinkludu l-ħolqien ta’ struttura ġdida għall-ġestjoni tal-assi pubbliċi Russi ffriżati u immobilizzati, l-investiment tagħhom u l-użu tar-rikavat għall-Ukrajna.
L-għeluq tal-lakuni legali
Filwaqt li l-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna għadha għaddejja, huwa ta’ importanza kbira li s-sanzjonijiet tal-UE jiġu implimentati bis-sħiħ, u li l-ksur tagħhom ma jitħalliex jagħti l-frott. Aħna qed insaħħu d-dritt tal-UE permezz ta’:
- it-tisħiħ tar-regoli tal-UE dwar il-konfiska u l-irkupru tal-assi
- l-armonizzazzjoni tar-reati u l-pieni għall-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE
- l-obbligu għall-persuni kollha elenkati taħt is-sanzjonijiet tal-UE li jiżvelaw l-assi tagħhom fl-UE
L-għan huwa li jissaħħaħ l-effett deterrenti tas-sanzjonijiet tal-UE u li l-Istati Membri jiġu mgħammra bl-għodod legali biex jikkonfiskaw għadd dejjem akbar ta’ assi, meta jkunu marbuta ma’ reat kriminali.