Nibqgħu magħqudin mal-poplu tal-Ukrajna

L-appoġġ Ewropew għall-Ukrajna kien estensiv: appoġġ finanzjarju, umanitarju, militari u ta’ baġit ta’ emerġenza.
F’dan il-kuntest, il-Kulleġġ tal-Kummissarji vvjaġġa lejn l-Ukrajna biex jiltaqa’ mal-gvern Ukren, biex jafferma mill-ġdid dan l-impenn u japprofondixxi l-kooperazzjoni f’għadd ta’ setturi.
Biż-żjara tal-Kulleġġ f’Kiev, illum l-UE qed tibgħat messaġġ ċar ħafna lill-Ukrajna u lil hinn minnha dwar is-saħħa kollettiva u d-determinazzjoni tagħna fid-dawl tal-aggressjoni brutali tar-Russja. Se nkomplu nappoġġjaw lill-Ukrajna sakemm ikun hemm bżonn. U se nkomplu nimponu prezz qawwi fuq ir-Russja sakemm twaqqaf l-aggressjoni tagħha. L-Ukrajna tista’ sserraħ fuq l-Ewropa biex tgħin fil-bini mill-ġdid ta’ pajjiż aktar reżiljenti, li jimxi ’l quddiem fi triqtu biex jissieħeb fl-UE.
Eżiti ewlenin
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ivvjaġġat lejn Kiev fit-2 ta’ Frar 2023, akkumpanjata minn 15-il Kummissarju, għall-ewwel laqgħa li qatt saret bejn il-Kulleġġ u l-Gvern Ukren.
Din il-laqgħa bagħtet sinjal qawwi tal-impenn sod tal-UE li tiddefendi lill-Ukrajna sakemm ikun hemm bżonn, inkluż b’pakkett ġdid ta’ assistenza ta’ €450 miljun għall-2023 imħabbar matul iż-żjara. B’dan il-mod, l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej għamlu disponibbli madwar €50 biljun għall-Ukrajna, mill-bidu tal-aggressjoni tar-Russja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed taħdem lejn kontribuzzjoni ta’ €1 biljun għal irkupru rapidu.
Il-laqgħa tal-Kulleġġ mal-Gvern kopreseduta mill-President von der Leyen u l-Prim Ministru Shmyhal, evalwat l-appoġġ kontinwu tal-UE lill-Ukrajna f’oqsma differenti, inkluż l-appoġġ finanzjarju, umanitarju, tal-enerġija, tal-appoġġ baġitarju kif ukoll is-sensibilizzazzjoni diplomatika. Barra minn hekk, hija eżaminat l-isforzi ta’ riforma mill-Ukrajna biex tavvanza fit-triq tagħha lejn l-UE, u ddeskriviet passi ulterjuri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni settorjali. Fl-istess ħin, kien hemm ukoll diskussjonijiet dwar kif ir-Russja tista’ tħallas għall-qerda brutali li qed tikkawża, inkluż dwar l-għaxar pakkett ta’ sanzjonijiet li jmiss.
Il-President von der Leyen iltaqgħet ukoll mal-President Zelensky biex tiddiskuti kwistjonijiet ewlenin fuq l-aġenda bejn l-UE u l-Ukrajna.
Oqsma ewlenin ta’ appoġġ u kooperazzjoni

Minbarra t-€18-il biljun f’assistenza makrofinanzjarja għall-2023, l-UE ħabbret €450 miljun oħra f’assistenza li tinkludi:
- €305 miljun f’appoġġ bilaterali biex tiżdied ir-reżiljenza tal-Ukrajna u jiġu appoġġati r-riformi
- €145 miljun f’għajnuna umanitarja

L-UE qed tipprovdi appoġġ vitali lill-Ukrajna biex tiffaċċja d-diffikultajiet partikolari fis-settur tal-enerġija. Dan jinkludi:
- il-forniment ta’ 2,400 ġeneratur addizzjonali, minbarra t-3,000 li diġà ingħataw mill-bidu tal-aggressjoni
- €157.5 miljun mill-Fond ta’ Appoġġ għall-Enerġija stabbilit mill-Komunità tal-Enerġija
- 35 miljun bozza tad-dawl LED mixtrija mill-UE, biex jgħinu lill-Ukreni jnaqqsu l-konsum tal-enerġija

Il-Kummissjoni tkompli tassisti lill-Ukrajna biex taħsad il-benefiċċji kollha offruti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inkluż il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv tiegħu, inkluż permezz ta’:
- Proposta biex tiġi estiża s-sospensjoni tad-dazji tal-importazzjoni fuq l-esportazzjonijiet Ukreni lil hinn minn Ġunju 2023
- Pjan ta’ Azzjoni Prijoritarju għall-2023-2024 - pjan direzzjonali għat-tisħiħ tal-aċċess tal-Ukrajna għas-Suq Uniku
- Roaming - estensjoni b’sitt xhur tal-miżuri volontarji mill-operaturi tal-UE u tal-Ukrajna għal telefonati affordabbli jew bla ħlas bejn l-UE u l-Ukrajna

Din is-Sħubija se tespandi l-kooperazzjoni kontinwa fl-enerġija bejn l-UE u l-Ukrajna għal gassijiet rinnovabbli bħall-bijometan, l-idroġenu u gassijiet sintetiċi u prodotti sostenibbli oħra. Hija tafferma mill-ġdid l-impenn taż-żewġ naħat li jnaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili, speċjalment il-gass Russu, u jaħdmu lejn in-newtralità klimatika.

Il-prijoritajiet ta’ riforma u l-passi meħtieġa biex jgħinu lill-Ukrajna tkompli tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha mal-acquis tal-UE ġew diskussi wkoll.
Il-Kummissjoni ħabbret ukoll li l-Ukrajna se tissieħeb fi programmi ewlenin tal-UE:
- il-Kummissjoni u l-Ukrajna ffirmaw l-assoċjazzjoni tagħha mal-Programm tas-Suq Uniku, u pprovdew lill-Ukrajna b’appoġġ lin-negozji, biex jiffaċilita l-aċċess għas-swieq, ambjent tan-negozju favorevoli, it-tkabbir sostenibbli u l-internazzjonalizzazzjoni.
- Dalwaqt se jibdew diskussjonijiet dwar is-sħubija tal-Ukrajna fi programmi ewlenin oħra tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jistgħu jappoġġjaw lill-Ukrajna biex tgħaqqad l-infrastruttura diġitali, tal-enerġija u tat-trasport tagħha mal-UE.
Inizjattiva ġdida “Phoenix” se tagħti spinta lill-ħidma tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida biex tappoġġja lill-Ukrajna fil-bini mill-ġdid tal-bliet tagħha b’mod sostenibbli u inklużiv. Immedjatament se timmobilizza mill-inqas €7 miljun, b’mod partikolari għall-iżvilupp u l-kondiviżjoni tal-għarfien espert l-aktar avvanzat fir-rikostruzzjoni għall-bliet Ukreni.

L-assoċjazzjoni tal-Ukrajna ma’ Orizzont Ewropa u l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom hija strument ewlieni biex tippreserva u trawwem l-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni tagħha.
Il-Kummissjoni se tiftaħ ukoll uffiċċju ta’ Orizzont Ewropa f’Kiev biex tippromwovi l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE, u toffri appoġġ tekniku lir-riċerkaturi u lill-innovaturi Ukreni.

Il-pjattaforma ta’ Koordinazzjoni tad-Donaturi b’Diversi Aġenziji tnediet f’Jannar 2023 biex tikkoordina l-appoġġ għal żmien qasir u fit-tul minn donaturi internazzjonali u istituzzjonijiet finanzjarji b’appoġġ għall-ekonomija Ukrena.
Stejjer tan-nies

Imġiegħla taħrab minn darha f’Mykolaiv, Lyudmilla sabet rifuġju fil-Moldova, fejn ingħaqdet mal-kuġina tagħha Tatiana.

Nisa u tfal spostati li qed jittamaw ħafna li xi darbajirritornaw id-dar, stejjer minn Persuni fil-Bżonn.

Waqt li kienet qed tieħu kenn fl-istazzjon tal-metro ta’ Kharkiv, Zina għenet lit-tfal jinħbew mill-gwerra b’ġugarelli u materjali edukattivi.