Mur għall-kontenut ewlieni
Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

Projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni

Sanzjonijiet kummerċjali internazzjonali

L-UE, f’kollaborazzjoni mal-pajjiżi tal-G7 u sħab oħrajn tal-istess fehma, waqfet tittratta lir-Russja bħala Nazzjon Iffavorit Ħafna fi ħdan il-qafas tad-WTO mill-15 ta’ Marzu 2022. Dan iċaħħad lir-Russja minn vantaġġi kummerċjali ewlenin bħala membru tad-WTO.

L-UE ddeċidiet li taġixxi mhux permezz ta’ żieda fit-tariffi tal-importazzjoni, iżda permezz ta’ sett ta’ sanzjonijiet li jinkludu projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti, b’mod partikolari:

  • projbizzjoni tal-UE fuq l-importazzjoni tal-prodotti kollha tal-azzar lesti u nofshom lesti
  • projbizzjoni tal-UE fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti ta’ lussu biex jintlaqtu direttament l-eliti Russi
  • projbizzjoni tal-UE fuq l-importazzjoni ta’ djamanti mhux industrijali, estratti, ipproċessati jew prodotti fir-Russja. Din tagħmel parti minn projbizzjoni tad-djamanti tal-G7 ikkoordinata internazzjonalment, bl-għan li r-Russja tiċċaħħad minn dan il-fluss ta’ dħul importanti stmat għal €4 biljun fis-sena.
  • projbizzjoni tal-UE fuq l-importazzjoni ta’ materja prima għall-produzzjoni tal-azzar, prodotti tal-aluminju pproċessat u oġġetti oħra tal-metall
  • estensjoni tal-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-karozzi lussużi, tal-karozzi ġodda u użati kollha b’magna ’l fuq minn ċertu daqs (> 1.900 cm³), u tal-vetturi elettriċi u ibridi kollha
  • projbizzjoni sħiħa fuq ċerti tipi ta’ komponenti tal-makkinarju
  • projbizzjonijiet addizzjonali fuq l-importazzjoni, inklużi s-siment, il-prodotti tal-lastku, l-injam, l-ispirti, il-likur, il-frott tal-baħar ta’ kwalità għolja
  • projbizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet f’oqsma fejn ir-Russja hija vulnerabbli minħabba d-dipendenza għolja tagħha fuq il-provvisti tal-UE. Dan jinkludi, pereżempju, il-computing kwantistiku, is-semikondutturi avvanzati, il-makkinarju u l-partijiet sensittivi, l-oġġetti relatati mal-kostruzzjoni, l-azzar ipproċessat, ir-ram u l-oġġetti tal-aluminju, il-lasers, il-batteriji, it-trasport u s-sustanzi kimiċi. Dan jinkludi wkoll katalizzaturi speċjalizzati użati fl-industrija tar-raffineriji. Dan se jikkontribwixxi biex jiddegrada l-bażi teknoloġika u l-kapaċità industrijali tar-Russja.
  • projbizzjoni li jiġi pprovdut software tal-intrapriżi u relatat mad-disinn lill-gvern Russu jew lill-kumpaniji Russi. 
  • projbizzjoni fuq ix-xiri, l-importazzjoni, jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, ta’ deheb, jekk joriġina mir-Russja
  • restrizzjoni fuq l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti teknoloġiċi misjuba fil-kamp tal-battalja fl-Ukrajna jew tagħmir meħtieġ għall-produzzjoni ta’ oġġetti bħal dawn
  • projbizzjoni li jinbiegħu, jiġu liċenzjati, ittrasferiti jew riferuti d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u s-sigrieti kummerċjali użati b’rabta ma’ oġġetti ristretti biex jiġi evitat li l-oġġetti sanzjonati ma jkunux sempliċiment immanifatturati barra mill-UE
  • restrizzjonijiet aktar stretti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti tal-ħadid u tal-azzar billi l-importaturi ta’ oġġetti tal-ħadid u tal-azzar sanzjonati li jkunu ġew ipproċessati f’pajjiż terz jintalbu jagħtu prova li l-inputs użati ma jkunux ġejjin mir-Russja
  • entitajiet ġodda huma soġġetti għal restrizzjonijiet aktar stretti fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti ta’ teknoloġija avvanzata. Minbarra l-entitajiet Russi u Iranjani diġà elenkati, issa hemm inklużi wkoll entitajiet miċ-Ċina, l-Użbekistan, l-Emirati Għarab Magħquda, is-Sirja u l-Armenja.
  • Iż-żieda ta’ 29 entità Russa u ta’ pajjiżi terzi mal-lista ta’ entitajiet assoċjati mal-kumpless militari-industrijali tar-Russja (inklużi entitajiet rreġistrati fl-Użbekistan u f’Singapore) 

FATTI

  • Min-naħa tal-esportazzjoni, il-valur totali stmat tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġiji sal-lum huwa ta’ €48 biljun. Dan jirrappreżenta 54% tal-esportazzjoni tal-UE qabel l-invażjoni.
  • 58% tal-importazzjonijiet ta’ qabel il-gwerra huma koperti mill-miżuri, li jirrappreżentaw €91.2 biljun.
  • Il-valur totali tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tas-servizzi tan-negozju huwa ta’ €3.28 biljun (16% tal-esportazzjonijiet tal-UE qabel l-invażjoni).
  • Il-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti teknoloġiċi tal-UE wasslet għal tnaqqis fl-industriji Russi intensivi fit-teknoloġija. It-tnaqqis fil-produzzjoni tal-karozzi, tagħmir ieħor tat-trasport u l-manifattura tal-kompjuters kien partikolarment profond.
  • L-ebda waħda mill-miżuri li l-UE adottat ma timmira b’xi mod il-kummerċ fi prodotti agrikoli u tal-ikel, inklużi l-qamħ u l-fertilizzanti, bejn pajjiżi terzi u r-Russja.