Mur għall-kontenut ewlieni
Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

Nagħmlu s-sanzjonijiet effettivi

L-iżgurar tal-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet

L-implimentazzjoni effettiva u diliġenti tas-sanzjonijiet hija essenzjali biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi tagħhom. Din hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni taħdem mill-qrib biex tappoġġjahom f’din il-ħidma permezz ta’:

  • laqgħa regolari tal-grupp ta’ esperti dwar l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet li tippermetti lill-Kummissjoni tilħaq lill-awtoritajiet rilevanti kollha tal-Istati Membri
  • it-“Task Force Iffriżar u Sekwestru” stabbilita mill-Kummissjoni f’Marzu 2022, li tiżgura koordinazzjoni aħjar tal-iffriżar tal-assi kontra individwi u entitajiet Russi u Belarussi
  • Grupp ta’ Livell Għoli, ippresedut mill-Kummissarju Mairead McGuinness, li jippermetti lis-27 awtorità tal-Istati Membri jaqsmu l-informazzjoni – flimkien mar-rappreżentanti tal-industrija u n-negozji tal-UE
  • laqgħat ad hoc tal-partijiet ikkonċernati li saru mill-Kummissjoni li jipprovdu gwida u jiddiskutu l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet mal-operaturi

L-UE qed tikkoordina s-sanzjonijiet tagħha ma’ alleati u sħab internazzjonali ewlenin oħra bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Korea t’Isfel, l-Iżvizzera, il-Ġappun, l-Awstralja, il-Kanada, New Zealand u n-Norveġja, sabiex kull pajjiż juża l-aktar miżuri effettivi bbażati fuq l-ekonomija tagħhom.

Il-prevenzjoni taċ-ċirkomvenzjoni

Iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE hija reat. Biex timmonitorja dan, il-Kummissjoni qed:

  • timmobilizza s-servizzi kummerċjali u doganali tagħha biex tidentifika d-direzzjoni mill-ġdid tal-flussi kummerċjali minn ċerti pajjiżi terzi li jaġixxu bħala gateways possibbli lejn ir-Russja
  • tikkuntattja pajjiżi terzi biex jintlaħaq qbil dwar valutazzjoni kondiviża, titqabbel id-data u jiġu diskussi miżuri ta’ rimedju kif xieraq
  • tiġbor informazzjoni dwar xejriet ta’ ċirkomvenzjoni mis-settur privat, kif ukoll rakkomandazzjonijiet dwar kif jista’ jiġi evitat aħjar dan il-fenomenu.

Bħala parti mill-11-il pakkett ta’ sanzjonijiet adottat fit-23 ta’ Ġunju, l-UE introduċiet strument ġdid biex tevita ċ-ċirkomvenzjoni tagħhom permezz tal-ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi. L-istrument jiffoka fuq oġġetti speċifiċi b’riskju għoli li huma ppruvati li jaslu fir-Russja permezz ta’ pajjiżi terzi, minkejja li huma koperti mis-sanzjonijiet tal-UE. L-istrument jgħammar lill-UE biex tipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ dawn l-oġġetti lejn il-pajjiżi li jintużaw biex jiġu evitati s-sanzjonijiet tagħna, u wkoll biex tipprojbixxi l-forniment ta’ servizzi assoċjati.

Il-lista ta’ oġġetti u teknoloġija soġġetti għal din il-miżura se timtela biss jekk ma tkun tista’ tinstab l-ebda soluzzjoni oħra. Dan ifisser impenn u djalogu mill-qrib ma’ kull wieħed mill-pajjiżi terzi kkonċernati. Aħna dejjem se nagħtu opportunità lill-awtoritajiet biex jirreaġixxu għas-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-UE. Għalhekk din hija miżura tal-aħħar istanza.

Għadd ta’ miżuri oħra ppermettewlna nrażżnu aktar iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet:

Informazzjoni għall-partijiet ikkonċernati

Biex tiżgura li l-informazzjoni tkun disponibbli għall-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni

  • ippubblikat mijiet ta’ FAQs li jappartjenu għas-setturi kollha tal-industrija affettwati mis-sanzjonijiet, bħall-finanzi u l-banek, il-kummerċ u d-dwana, l-enerġija, l-agrikoltura, it-trasport, l-akkwist pubbliku tal-media, u ħarġet gwida speċifika dwar kwistjonijiet umanitarji. Kellha djalogi regolari mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija u qed taħdem flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huma kompetenti biex jimplimentaw is-sanzjonijiet tal-UE, jagħtu awtorizzazzjonijiet u jħarrku l-ksur.
  • ippubblikat informazzjoni faċilment aċċessibbli dwar il-pakketti adottati s’issa. Il-Mappa tas-Sanzjonijiet tal-UE tipprovdi viżwalizzazzjoni faċli għall-utent tar-reġimi kollha tas-sanzjonijiet attwalment fis-seħħ, inklużi persuni soġġetti għal sanzjonijiet individwali. Il-Lista Konsolidata ta’ Sanzjonijiet Finanzjarji, li tinkludi l-persuni, il-gruppi u l-entitajiet kollha soġġetti, taħt is-sanzjonijiet tal-UE, għal iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli hija disponibbli online. 
  • stabbiliet Għodda għall-Informaturi biex tirrapporta l-ksur tas-sanzjonijiet b’mod anonimu. Is-sanzjonijiet tal-UE issa jirrikjedu wkoll li l-Istati Membri jikkriminalizzaw il-ksur tas-sanzjonijiet. 
  • stabbiliet il-punt ta’ kuntatt fil-livell tal-UE għall-għajnuna umanitarja, li jipprovdi informazzjoni prattika lill-operaturi umanitarji dwar it-talba għal derogi umanitarji skont is-sanzjonijiet tal-UE. 
  • nediet/ħolqot punt ta’ kuntatt ċentrali biex jgħin lill-awtoritajiet u l-operaturi mhux tal-UE dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja - u speċjalment dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-ikel. Dan huwa maħsub ukoll biex jiżgura li l-fluss ta’ prodotti agroalimentari u fertilizzanti lejn il-pajjiżi tagħhom ma jiġix affettwat.