Mur għall-kontenut ewlieni
Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

Ħrib mill-Ukrajna: Drittijietek fl-UE

Ladarba tkun dħalt fl-UE għandek numru ta’ għażliet skont iċ-ċirkostanzi personali tiegħek. L-awtoritajiet se jinfurmawk dwar id-drittijiet tiegħek kif xieraq.

Din l-informazzjoni hi disponibbli wkoll: bl-Ukren | українська | bir-Russu | русский

Tista’ tingħata protezzjoni temporanja

Jekk kont resident permanenti fl-Ukrajna, u tlaqt mill-pajjiż biex taħrab mill-gwerra mill-24 ta’ Frar 2022 ’il quddiem, tista’ tkun intitolat għal protezzjoni temporanja fi kwalunkwe pajjiż tal-UE. Il-protezzjoni temporanja se ddum mill-anqas sena, u din tista’ tiġi estiża skont is-sitwazzjoni fl-Ukrajna. Id-drittijiet skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja jinkludu l-permess ta’ residenza, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-akkomodazzjoni, l-assistenza medika, u l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal. Kull min jgħix legalment fl-UE għandu wkoll id-dritt li jiftaħ kont bankarju bażiku. Se jkollok ukoll id-dritt li tiftaħ kont bankarju bażiku.

Tista’ tapplika għal protezzjoni internazzjonali fl-UE

Il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja għandhom id-dritt li jagħmlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (ażil) f’kull ħin.

Jekk tagħżel li tagħmel dan, il-protezzjoni temporanja tiegħek tista’ tiġi sospiża waqt li jkollok l-istatus u d-drittijiet ta’ applikant għall-ażil. Jekk fi tmiem l-eżami l-applikazzjoni tiegħek għall-ażil tiġi rifjutata u l-protezzjoni temporanja attwali tkun għadha fis-seħħ fl-UE, l-istatus ta’ protezzjoni temporanja tiegħek jerġa’ jiġi attivat.

Għandek tinforma ruħek dwar liema prattiki japplika l-Istat Membru sabiex tiddeċiedi jekk għandekx titlob protezzjoni internazzjonali flimkien ma’ permess tar-residenza li juri l-istatus ta’ protezzjoni temporanja tiegħek.

Tista’ titlob assistenza għar-ripatrijazzjoni

Irrispettivament min-nazzjonalità u d-dritt għal protezzjoni internazzjonali tiegħek, jekk kont qed tgħix fl-Ukrajna u ħrabt mill-gwerra, għandek tkun tista’ taqsam il-fruntiera tal-UE. Jekk ikun sikur li tirritorna f’pajjiżek, għandek tikkuntattja lill-awtoritajiet jew lill-organizzazzjonijiet rilevanti biex jgħinuk tmur lura.

Għall-assistenza bir-ripatrijazzjoni, għandek tikkuntattja l-ambaxxata/il-konsulat tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħek fil-pajjiż tal-UE fejn qed toqgħod bħalissa. L-awtoritajiet nazzjonali f’dan il-pajjiż jistgħu jgħinuk ukoll tikkuntattja l-ambaxxata/il-konsulat tiegħek f’każ li tiltaqa’ ma’ problemi u jistgħu joffru assistenza għar-ripatrijazzjoni tiegħek.

Għandek drittijiet tal-konsumatur

Int protett mil-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur waqt li tkun fl-UE. Dan is-sett ta’ liġijiet iżomm prodotti perikolużi barra mis-suq u jiżgura li tiġi ttrattat b’mod ġust kemm jekk qed tiftaħ kont bankarju, tivvjaġġa, tiffirma kuntratt tal-mobile jew tixtri online.

Kun af drittijietek bħala konsumatur