Mur għall-kontenut ewlieni
Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

Kif tipprepara biex titlaq mill-Ukrajna

Ħarsa ġenerali

Qabel titlaq mill-Ukrajna u tiddeċiedi li tivvjaġġa lejn wieħed mill-pajjiżi tal-UE, jekk ikun possibbli, jekk jogħġbok ħu dokumenti tal-ivvjaġġar validi miegħek meta titlaq. Madankollu, in-nuqqas ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar jew dokumenti mediċi (ċertifikat tal-vaċċinazzjoni, test tal-COVID-19) m’għandux ikun ostaklu għad-dħul tiegħek fl-UE.

Il-pajjiżi kollha tal-UE li jmissu mal-Ukrajna qed jippermettu d-dħul tal-persuni kollha li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna għal raġunijiet umanitarji irrispettivament minn jekk għandhomx passaport bijometriku jew le. Dan japplika wkoll għat-tfal. Jekk għandek nazzjonalità Ukrena u passaport bijometriku, tista’ tidħol fl-UE billi tippreżenta l-passaport tiegħek fil-fruntiera. Fil-każi l-oħrajn kollha, il-pajjiżi tal-UE se jaċċettawk għal raġunijiet umanitarji.

Kif nista’ nagħti prova tan-nazzjonalità tiegħi?

Din hija lista indikattiva ta’ dokumenti li tista’ tuża biex tagħti prova tan-nazzjonalità Ukrena anke jekk il-perjodu ta’ validità tagħhom ikun skada:

  • passaporti ta’ kull tip (passaporti nazzjonali, passaporti diplomatiċi, passaporti tas-servizz, passaporti kollettivi u passaporti surrogati inklużi l-passaporti tat-tfal)
  • karti tal-identità nazzjonali (inklużi dawk temporanji u proviżorji)
  • kotba tas-servizz militari u karti tas-servizz militari
  • kotba tar-reġistrazzjoni tal-baħħara, karti tas-servizz tal-kaptani u passaporti tal-baħħara
  • ċertifikati taċ-ċittadinanza
  • dokumenti uffiċjali oħra li jsemmu jew jindikaw iċ-ċittadinanza

Jekk għandek nazzjonalità oħra u int suġġett għar-rekwiżit tal-viża biex tidħol fl-UE, għandek tippreżenta l-viża tiegħek għal soġġorn qasir jekk għandek waħda. Jekk m’għandekx viża għal soġġorn qasir, il-pajjiżi tal-UE xorta għandhom iħalluk tidħol, bil-ħsieb li jiffaċilitaw ir-ripatrijazzjoni tiegħek lejn il-pajjiż ta’ oriġini.

Se nkun soġġett għal verifiki fil-fruntiera?

Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali fl-Ukrajna, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jwettqu kontrolli fil-fruntieri tagħhom iżda wkoll f’post differenti u sikur lil hinn mill-fruntiera. Il-kontrolli jistgħu jitwettqu matul jew wara t-trasport tiegħek għal dak il-post sikur. Jista’ jkun meħtieġ li tibqa’ disponibbli għall-awtoritajiet f’dak il-post sikur matul it-twettiq ta’ dawn il-kontrolli.

X’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħi?

Irrispettivament min-nazzjonalità tiegħek, int intitolat għal assistenza immedjata u informazzjoni immedjata dwar drittijietek. Dan jinkludi kenn temporanju u l-qadi tal-ħtiġijiet bażiċi tiegħek bħall-ikel u l-mediċina. L-għoti ta’ drittijiet addizzjonali jiddependi mill-istatus li tirċievi fl-UE u għalhekk jista’ jvarja.

Fi kwalunkwe mument huma possibbli kontrolli tal-pulizija u amministrattivi oħrajn inkluż fit-territorji tal-Istati Membri għal finijiet ta’ sigurtà u migrazzjoni. Hu importanti li tikkoopera u tipprovdi d-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa lill-pulizija, lill-gwardji tal-fruntiera jew lil awtoritajiet kompetenti oħrajn. F’ċerti ċirkostanzi jista’ jkun meħtieġ li tibqa’ disponibbli għall-awtoritajiet matul dawn il-kontrolli f’faċilitajiet apposta.

Għat-tfal li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni waħedhom, jiġifieri mingħajr ma jkunu akkumpanjati jew mistennija minn ġenituri jew adulti oħra responsabbli għalihom, u mhux akkumpanjati jew mistennija minn adulti magħrufa, għandek tinforma lill-awtoritajiet u dawn jirreferuk għas-servizzi tal-protezzjoni tat-tfal.